Il-Ħamis filgħaxija, it-tim ta’ Ħamrun Spartans naqqas lilu innifsu fl-istorja, hekk kif stabbilixxa ruħu bħala l-ewwel tim Malti tal-futbol li wasal sal-playoffs ta’ kompetizzjoni Ewropea.
Dan hekk kif Ħamrun Spartans għelbu lit-tim Bulgaru ta’ Levski Sofia, wara l-għoti tal-penalties bi skor ta’ erbgħa b’wieħed.
F’nofs ta’ lejl, bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, it-tim Ħamruniż wasal l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mill-Bulgarija, fejn intlaqgħu minn grupp ta’ partitarji.
L-għada ta’ din ir-rebħa, ONE News tkellem mal-partitarju ta’ Ħamrun Spartans, Marco Mallia, li qal li dan il-mument storiku huwa wieħed emozzjonali.
Mallia stqarr, “Kienet emozzjonali ħafna hu, anki kif żvolġiet il-logħba. Tara lil Ħamrun jilgħabu ċertu teknika, ċertu livell li ma tantx narawh Malta, taqla l-gowl fid-90 u tara lill-plejers ta’ Ħamrun b’dik il-motivizzjoni biex jerġgħu jiskurjaw. Allura tifsser ħafna aktar, kienet xi ħaġa sabiħa mmens għalina, kienet ħolma.”
Tkellimna ma’ Pawlu Micallef, partitarju ieħor ta’ Ħamrun Spartans, li qal li dan qed iseħħ bis-saħħa tal-għaqda.
Micallef qal, “Huwa mument sabiħ ħafna, mument li qed ngħixuh b’saħħa kbira u j’alla nkomplu għaddejjin b’dan il-mument. Dan ġej kollu mill-għaqda li hemm fit-tim kollu, mingħajr dik l-għaqda ma naslux.”
Tenna wkoll kif dan il-mument storiku qed jgħaqqad flimkien il-partitarji sportivi Maltin kollha.
Micallef stqarr, “Xi ħaġa hekk għall-futbol Malti hija healthy ħafna, healthy. In-nies jikkonkorru aktar u jaraw iżjed il-futbol.”
Fl-aħħar ta’ din l-intervista staqsejna lill-partitarji Ħamruniżi dwar il-partita li jmiss, pass ’il bogħod mill-istadju tal-gruppi tal-Europa Conference League.
Micallel irrimarka,“L-avversarji tagħna ġejjin mis-Serbja, Partizan, tim li fl-Ewropa għandu ċertu saħħa, qegħdin fil-fażi tal-playoffs, tistenna avversarji jkunu iebsin, imma kif għedtlek, fejn hemm l-għaqda, ir-riżultati jiġu.”
Dan filwaqt li Mallia spjega,“Il-Partizan huma livell daqsxejn ’il fuq. Xorta nemmen li m’hemmx dak il-gap li hija xi ħaġa impossibbli. Ehe, nistgħu nagħmluha fl-opinjoni tiegħi, irridu nogħqodu moħħna hemm, għalkemm nemmen ħafna fit-tim li hemm, għax jidher li hemm ċertu livell ta’ tim.”
Intant fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan it-tragward storiku.
Huwa spjega li dan ir-riżultat jimmotiva lil pajjiżna għal aktar suċċessi sportivi.
Dr Abela esprima wkoll is-sodisfazzjon tiegħu għal wirjiet qalbiena fl-istess kompetizzjoni minn Gzira United u Hibernians.
Ħamrun Spartans imisshom jilgħabu fil-fażi tal-playsoffs tal-Europa Conference League fit-tmintax u l-ħamsa u għoxrin ta’ Awwissu.