Kien tifel b’saħħtu mimli enerġija, kulħadd jgħidlu li m’għandux kwiet. Bħal sajjetta fil-bnazzi, tlifnih fi tliet xhur.
Hekk iddeskriviet id-disa’ snin li għex binha, f’ħajja li ntemmet f’qasir il-għomor, Chantelle Pace, omm Miguel, li temm il-vjaġġ tiegħu f’din id-dinja f’Awwissu li għadda.
Fil-kamra tas-sodda tiegħu, mimlija b’memorji li sawrulu l-ħajja qasira li għex, l-omm b’qalb maqsuma qaltilna li kollox beda sena ilu fil-ġimgħa li għalqu l-iskejjel minħabba l-COVID-19, meta l-għalliema ta’ Miguel qaltilhom li tah ħass ħażin.
Minn dakinhar beda jilmenta b’uġigħ ta’ ras u jgħid li għandu d-dwejjaq.
Għall-bidu, it-tobba qalulu li għandu l-ansjetà, għaliex kien jibża’ ħafna mill-Coronavirus, imma darba fost l-oħrajn beda jgħid li qed jara doppju u jitlef għajnejh.
Ommu ħaditu l-isptar, u mill-ġurnata li rifes l-għatba ta’ Mater Dei, il-ħajja ta’ din il-familja, inqalbet ta’ taħt fuq.
Iċ-ċkejken Miguel kellu tumur f’rasu, rari ħafna.
Spjegat, “Dak il-ħin kien xokk kbir għax għidt għaliex hu u mhux jiena? Tifel ta’ disa’ snin, għax kien ġimgħa wara l-birthday tiegħu eżatt, u t-tabib qalli li ma tantx hemm tama.”
Kura ftit li xejn seta’ jieħu, imma beda jieħu pirmli biex itaffulu l-uġigħ. Sa mill-ewwel jum, wera kuraġġ ta’ sur.
Qalet, “Konna ngħidulu għandek bużżieqa u ħa nfejquha, u kien qalli toqogħdux tinkwetaw, kulħadd għandu xi ħaġa fil-ħajja u jiena wieħed minnhom.”
Miguel beda jieħu r-raġġi, li wassluh biex beda jitlef il-bilanċ u ma baqax jimxi, tant li spiċċa f’siġġu tar-roti.
Qalet, “Kien jibki, kien jgħidilna għax jiena sirt ikrah, għax hu kien iħobb il-mera, kien iħobb jilbes, minn kollox kien iħobb. L-iktar kerha kienet meta waqagħlu xagħru, għax x’ħin ra x-xagħar nieżel, qalli aħna ftehemna li m’hemmx sigrieti. Għidtlu qed jaqagħlek xagħrek. Dak il-ħin ħa nifs il-ġewwa, qalli ħa jaqagħli, imbagħad qalli l-aqwa li nfieq jiena.”
Miguel beda jbati ħafna biex jitkellem, saħansitra lejn l-aħħar, kien jikkomunika ma’ familtu bil-messaġġi fuq il-mobile.
Irrakkontat, “Is-Sibt niftakar kien qalli l-aħħar żewġ kelmiet, qisu xi ħadd qalli ħudlu video, u għidtlu għajjatli, mummy inħobbok, u dawk kienu l-aħħar żewġ kelmiet li qalilna.”
L-għada li Chantelle ħaditlu dan il-filmat, Miguel kellu jidħol l-isptar, u minn dakinhar, ma reġax ra d-dawl tax-xemx.
Qalet, “Dħalna u qalli, lit-tifel ħa nżommuh, qalli imma għandi bżonn inkellmek. Qalli ħa nagħmlulu MRI oħra biex inkunu ċerti, qalli t-tifel wasal. Qalli, qed imut.”
Minħabba li diġà konna fil-pandemija, kienu biss l-omm u l-missier li setgħu jkunu ħdejn it-tifel l-isptar.
Spjegat, “Ċempilna video call lil kulħadd biex jarawh kollha qabel, hu ovvjament ma kienx jaf, u jien għidtlu wegħdni dott li t-tifel ma jkunx jaf. Qalli, inwiegħdek li t-tifel se jorqod, u raqad u miet trankwill.”
Fil-Ġimgħa l-Kbira, li ċ-ċkejken Miguel tant kien iħobb li anki kien jilbes fil-purċissjoni, l-omm kellha appell imqanqal għall-ġenituri kollha, speċjalment dawk f’sitwazzjonijiet ta’ mard.
Qalet li, “Kull min għandu t-tfal, aħna ġieli ngħidulhom li għajjejtuna, ħobbuhom, għożżuhom, għax għadkom ma tafux meta l-ħajja tiġi waħedha u tintilef, filli jkollok familja u filli tispiċċa inti u missieru biss. Il-firda hija kerha wisq.”