Meqjus bħala attur komiku veteran.
George Micallef miet fl-età ta’ sitta u sebgħin sena.
Il-familja tiegħu qalet li huwa ħalla din id-dinja matul il-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn.
Huwa kien ilu magħruf fix-xena lokali tar-reċtar għal iktar minn erbgħin sena u ħa sehem f’bosta produzzjonijiet kemm fuq il-palk kif ukoll fuq it-televiżjoni.
Fost il-produzzjonijiet lokali li ħa sehem fihom hemm Fredu l-Fra kif ukoll il-Madonna taċ-Ċoqqa.
Huwa kien magħruf ukoll għall-kollaborazzjonijiet mill-qrib mal-attur Hector Bruno.
Barra min hekk huwa kien ukoll preżentatur.
Għal xi żmien kien anki Segretarju Ġenerali u Viċi-President tas-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali La Valette.
Ħuh, attur prim ieħor, Mario Micallef tkellem magħna fuq George.
Iltqajna miegħu fuq is-sett hu u jirreċta, anki propju fil-jum li tilef lil ħuh.
Iżda kif qalilna hu, l-professjonaliżmu anki fid-drama jitlob l-impenn sħiħ.
Micallef stqarr, “Dalgħodu kif miet kont naf li kelli ġurnata impenjattiva llum u saqsejt anki lit-tfal tiegħu x’jaħsbu u qaluli le, le uncle mur għax kieku l-papa għadu ħaj hekk se jgħidlek.”
Ma naqasx jispjegalna l-aħħar ftit mumenti mal-għażiż ħuh.
“Ħareġ idejh, tawwalha lejja, qbadtielu, għafasieli ftit u jien għedtlu dak il-ħin, għedtlu għamel kuraġġ George, għedtlu din il-ġimgħa, il-ġimgħa tal-festa tinsiex, għedtlu ejja ħalli toħroġ, għedtlu ħa ngawdu l-festa bħas-soltu, il-festa ta’ San Pawl u b’rasu għamilli hekk, speċi kien rassenjat, kien rassenjat George.” Kompla jgħid.
Fuq kollox, Mario, iddeskriva hekk lil ħuh George.
“George, għalkemm, għalkemm huwa attur komiku u ħafna mill-produzzjonijiet tiegħu, kienu komiċi pero kellu xi partijiet, għalkemm ma kinux ħafna illi kien bid-drami li kienu emozzjonali.”