Keith Schembri rriżenja mill-kariga ta’ Chief of Staff fl-uffiċċju tal-Prim Ministru.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Joseph Muscat li qal li aċċetta d-deċiżjoni ta’ Schembri u tah ħajr għall-ħidma tiegħu.
Il-Prim Ministru qal li Mark Farrugia se jkun iċ-Chief of Staff il-ġdid.
Dr Muscat qal li fil-jiem li għaddew kellu diskussjonijiet ma’ numru ta’ persuni fosthom ma’ Keith Schembri u lbieraħ filgħaxija għarrfu li matul il-jum tal-lum kien se jirriżenja minn chief of staff tal-Prim Ministru sabiex il-Gvern ikompli miexi l quddiem b’mod aktar seren fil-ħidma tiegħu.
Dr Mucsat irringrazzja lis-Sur Schembri għall-ħidma li ta lill-Gvern fl-aħħar snin. Qal li kellu rwol kruċjali u tah ħajr li refa’ dan il-piż.
Qal li matul il-jum tal-bieraħ, saret laqgħa tal-grupp parlamentari tal-Partit Laburista li fissirha bħala laqgħa mimlija b’responsabbiltà min-naħa ta’ kulħadd.
Il-Prim Ministru qal li ħa nota tal-fehma tal-grupp parlamentari, u talab vot ta’ fiduċja sigriet li fih ingħata vot ta’ fiduċja b’mod unanimu.
Dr Muscat qal li se jkompli jieħu d-deċiżjonijiet li jrid jieħu għall-ġid tal-pajjiż.
Qal li f’dan il-mument, il-pajjiż għandu bżonn l-istabbilità u l-mandat tiegħu hu dak kollu li ħa jagħmel u d-deċiżjonijiet li se jieħu fis-sigħat u fil-jiem li ġejjin, ħa jkunu mmirati biex tkun assigurata din l-istabbiltà biex l-istituzzjonijiet ikompli jaħdmu b’mod seren.
Dr Muscat qal li se jieħu l-parir li tawh numru ta’ persuni li jgħidu li mgħandux jitkellem waqt li għaddejja investigazzjoni attiva u se jħalli lill-investigaturi jagħmlu l-istqarrijiet tagħhom.
“Jien inħares ‘il quddiem biex xħin tagħlaq l-investigazzjoni nagħti rendikont sħiħ tad-deċiżjonijiet li ħadt jien, ta’ dak li erfajt u kif dawn id-deċiżjonijiet ħadthom waħdi,” qal il-Prim Ministru.