Fadal biss daqs ġimgħa u nofs oħra biex ir-Re Karlu III jiġi inkurunat uffiċjalment f’ċerimonja li se tlaqqa’ f’Londra bosta membri ta’ familji rjali u diplomatiċi minn madwar id-dinja.
Minkejja li l-preparazzjonjiet jinsabu fl-eqqel tagħhom, ir-Re u r-Reġina Camilla sabu ħin biex jagħtu l-importanza mistħoqqa lil avveniment internazzjonali kbir ieħor li wkoll se jsir fir-Renju Unit u li wkoll se jsegwuh miljuni kbar: l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Eurovision Song Contest.
Sabiex jiċċelebraw din l-ewwel darba li l-ESC se jsir fir-Renju Unit mill-1998 ’l hawn, Karlu u Camilla żaru l-M&S Arena ta’ Liverpool u fetħu uffiċjalment il-palk ta’ dan il-festival internazzjonali ewlieni. Hemmhekk huma ltaqgħu mal-kopreżentaturi tal-ESC, Julia Sanina u Hannah Waddingham, kif ukoll mal-kummentaturi tal-BBC Rylan Clark u Scott Mills.
L-udjenza entużjasta għaddet għalenija min-numru għaxra ’l isfel u l-koppja rjali għafset il-buttuna li tat il-ħajja lill-palk ġgantesk. Camilla dehret aktar pronta u ffukata biex tagħfas il-buttuna, filwaqt li Karlu deher ftit jew wisq distratt.
Il-palk iddisinjah Julio Himede, li kien imnebbaħ mill-prinċipji tal-għaqda, taċ-ċelebrazzjoni, u tas-sens ta’ komunità. Huwa kbir 450 metru kwadru, b’220 metru kwadru ta’ skrins tal-vidjow li jiċċaqilqu, 700 maduma elettronika integrati fl-art, u aktar minn 1,500 metru ta’ dwal LED.
Il-festival din is-sena qed isir fir-Renju Unit minflok fl-Ukrajna, li rebħet is-sena l-oħra, għal raġunijiet ta’ sigurtà minħabba l-invażjoni Russa ta’ dak il-pajjiż. B’dan f’moħħu, id-disinjatur tal-palk ra li l-Ukrajna tkun fil-qalba tat-tema tal-palk, li jagħti l-impressjoni ta’ tgħanniqa kbira biex jissimbolizza lid-dinja tiftaħ dirgħajha lejn dan il-pajjiż taħt attakk.
Is-67 edizzjoni tal-ESC se ssir fid-9, il-11, u t-13 ta’ Mejju 2023 u qed tipproduċih il-BBC.
Ritratt: Nick Robinson / BBC