Il-preżentatriċi Valentina Rossi użat il-ħin tagħha d-dar fi kwarantina biex għaqqdet filmat b’numru ta’ kantanti Maltin ikantaw id-diska ta’ Destiny li biha kellha tirrapreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision Song Contest qabel ma sar magħruf li ġie kkanċellat.
F’filmat li ppubblikat fuq Facebook, Valentina spjegat li hekk kif kulħadd jinsab b’aktar ħin fuq idu minħabba l-kwarantina, kelmet lil xi ħbieb kantanti tagħha u flimkien iddeċidew li jagħmlu xi ħaġa lil Destiny u lit-tim ta’ produzzjoni tagħha biex bħalma hi tat l-imħabba tagħha bid-diska “All Of My Love”, hekk ukoll huma jagħtuha l-imħabba kollha tagħhom.
“Xi ħaġa żgħira biex nuruk kemm inħobbu d-diska tiegħek”, spjegat Valentina.
Fost il-kantanti li jidhru fil-filmat – b’uħud wiċċhom familjari mal-ikbar festa ta’ mużika fl-Ewropa u li m’għandhom bżonn l-ebda introduzzjoni – hemm Ira Losco, Michela Pace, Christabelle Borg, Gaia Cauchi, Maxine Pace, Kevin Paul Calleja, Justine Shorfid, Brooke Borg, Jasmine Abela u Glen Vella.