Joseph Muscat mhux se jibqa’ Deputat Parlamentari.
F’diskors qasir mal-bidu tal-ħin t’aġġornament parlamentari tal-lejla, Dr. Muscat qal li kif kien qal fl-aħħar diskors tiegħu bħala Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista, fi ftit xhur kien se jirriżenja minn membru parlamentari.
Saħaq li huwa kburi bis-servizz li ta.
Joseph Muscat kien elett bhala Mexxej tal-Partit Laburista f’Ġunju tal-2008 fl-età ta’ 34 sena.
Sar Prim Ministru ghall-ewwel darba f’Marzu 2013 fl-età ta’ 39 sena u reġa’ kien ikkonfermat f’din il-kariga f’Ġunju 2017.
Is-snin li Joseph Muscat għamel bħala Mexxej jibqgħu mfakkra wkoll ghall-mod kif il-Partit Laburista kiseb għaxar rebħiet b’maġġoranzi storiċi f’għaxar elezzjonijiet li saru fuq medda ta’ ħdax-il sena.
Wara l-2013 Gvernijiet Laburisti mmexxija minn Joseph Muscat taw bil-fatti direzzjoni ġdida lil pajjiżna.
Mill-2013 ‘il quddiem bħala medja kull sena l-ekonomija Maltija kibret bi kważi 7%.
Gvernijiet Laburista mmexxija minn Joseph Muscat ġabu wkoll bidla ta’ taħt fuq f’dawk li huma drittijiet ċivili f’pajjiżna, b’Malta għal sena wara oħra tkun fl-ewwel post fl-indiċi li janalizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ta’ persuni LGBTIQ madwar l-Ewropa.
F’messaġġ li għadda fil-Parlament, Dr. Muscat qal li ma nforma lil ħadd minn qabel għax ma riedx ċerimonji u saħaq li jinsab kuntent li kkontribwixxa biex pajjiżna illum jinsab aħjar.