Filmati li ttieħed minn kamera tas-sigurtà juri suspettat estremist Islamiku fl-ajruport Orly f’Pariġi, jaqbad suldat minn wara, wara li waddab baskett tax-xiri mal-art biex jiddevja l-attenzjoni tagħha minn fuqu.
Il-filmat li ttieħed is-Sibt li għadda waqt l-istess attakk, juri lill-aggressur jaqbad lis-suldat minn spallejha hekk kif fl-istess ħin wieħed mill-kollegi tagħha kien biss ftit passi ‘il bogħod minnha.
L-aggressur, Ziyed Ben Belgacem, inqatel b’tir wara l-attakk li dam tliet minuti.
Dan l-attakk ħoloq paniku kbir hekk kif l-ajruport Franċiż, li hu meqjus bħala t-tieni l-ikbar ajruport fil-kapital f’Pariġi, kellu jingħalaq għal diversi sigħat.
Il-filmat, juri lill-estremist li għandu 39 sena u hu Franċiż jiġġieled mal-ewwel suldat fejn ħadilha l-arma tan-nar, iżda nqatel b’tir minn suldat li kien ftit iktar ‘il fuq, qabel l-aggressur seta’ jirreaġixxi.
Għalkemm Ben Belgacem żamm lill-ewwel suldat għal perjodu ta’ ħin, kellhom jgħaddu diversi minuti qabel persuni li kienu fl-ajruport indunaw x’kien qed jiġri. Ħadd iktar ma safa midrub waqt dan l-inċident.
Hu maħsub li l-aggressur kien taħt l-influwenza tad-droga u l-alkoħol.