Id-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis jidher li m’għandux biss dellijiet marbuta mal-abbuż tiegħu mis-siġġu parlamentari.
Dan hekk kif Ellis kien skomdu wkoll iwieġeb meta mistoqsi dwar it-taxxa.
Mistoqsi minn ONE News biex jikkonferma jekk it-taxxa tiegħu hux kollha mħallsa Ellis ħa pass lura u naqas milli jikkonferma.
Colin Deguara: “It-taxxa tiegħek kollha mħallsa jiġifieri?”
Joe Ellis: “Eh? …Jiena m’għidtx hekk.”
Ellis kien deher evidentament skomdu, b’mod speċjali meta bdejna nistaqsu dwar it-taxxa tal-kumpaniji tiegħu.
Hawnhekk b’leħnu miksur spiċċa jipprova jġib l-iskużi.
Colin Deguara: “Il-kumpaniji tiegħek u hekk kollox imħallas jiġifieri.”
Joe Ellis: “Il-kumpaniji tiegħi hemm ħafna affarijiet x’wieħed irid jieħu into consideration, depreciation, investimenti li saru.”
B’kull ma jmur ikomplu jikbru d-dubji dwar l-operat ta’ Joe Ellis, Bernard Grech naqas milli jaġixxi wara li Ellis stess ammetta li kellu interess fi proġett infrastrutturali f’Għawdex li dwaru huwa stess kien għamel pressjoni fil-Parlament.
Il-gazzetta KullĦadd żvelat ukoll li Ellis ma ħallasx il-ħaddiema tal-kumpanija tiegħu u lanqas ħallashom il-bonus statutorju, b’ħaddiema li tkellmu mal-gazzetta qalu li jinsabu mxebbgħin bis-sitwazzjoni iżda jinsabu fuq kuntratt definit ta’ xogħol għal tliet snin u Ellis rabathom li jekk itemmu dan il-kuntratt jistgħu jkunu obbligati li jħallsu penali.
Ellis, l-Avukat tal-għaqda Repubblika mhux l-ewwel darba li skonġra, fosthom bl-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Fil-fatt f’ħarġa tal-gazzetta ‘Illum’ lura f’Awwissu tal-2017 huwa kien appella lil Delia biex jirtira mit-tellieqa għal Kap minħabba d-djun li kellha kumpanija li kien involut fiha.
Fl-istess artiklu huwa kien talbu jagħmel eżami tal-kuxjenza sabiex jara jekk b’dan id-dejn kbir li għandu jkunx għal ġid tal-Partit Nazzjonalista li jibqa’ fit-tiġrija għal Kap.
Madankollu l-kuxjenza tiegħu Ellis qed iżommha rieqda u ma’ ONE News stqarr li d-dellijiet tiegħu m’humiex problema għalkemm huwa membru parlamentari.
Colin Deguara: “Inti Membru Parlamentari.”
Joe Ellis: “U x’għandu x’jaqsam, x’għandu x’jaqsam.”
Colin Deguara: “Ġieli skonġrajt ukoll Dr Ellis. Tħobb tużaha din min jiskonġra jrid ikun pur.”
Joe Ellis: “Eżatt min jiskonġra jrid ikun pur hux.”
AQRA WKOLL: