Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo ħa żbalji bażiċi waqt li kompla jattakka r-riforma tal-Gvern għall-kirjiet ta’ qabel l-elf disa’ mija ħamsa u disgħin.
Dan għamlu anki jekk ġimagħtejn wara li tħabbret ir-riforma, aktar organizazzjonijiet baqgħu jinnutaw il-passi fid-direzzjoni t-tajba li ħa l-Gvern f’dan il-qasam.
Wara l-Caritas, il-Kamra tal-Periti, l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, issa kompliet il-Kamra tal-Kummerċ, li f’laqgħa mal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes irrikonoxxiet il-kuraġġ tal-Gvern wara snin twal li l-ebda l-Gvern ma indirizza l-isfidi għall-kirjiet ta’ qabel l-elf disa’ mija ħamsa u disgħin.
F’artiklu fuq it-Times, Ivan Bartolo spiċċa kwota ħażina mir-riforma mħabbra u ta stampa għal kollox żbaljata u mhux minnha.
Skont id-Deputat Nazzjonalista, il-Gvern se jkun qed iħallas ħamsa u għoxrin fil-mija tal-prezz tal-kirja ta’ dawk li jaħdmu full-time iżda dan m’hu minnu xejn.
Fil-fatt skont ir-riforma mħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, kull min jaħdem full-time u qiegħed b’kirja ta’ qabel l-elf disa’ mija u ħamsa u disgħin, se jħallas 25% biss mid-dħul tiegħu.
Il-bqija tal-ammont dovut għall-kirja se jkun issussidjat mill-Gvern.
Qal kif, “Anke inkwillini li jaħdmu full-time u bi qligħ se naraw li ma jħallsux aktar minn 25% tad-dħul tagħhom fuq il-kera. Dan biex inħallulhom ammont biżżejjed f’idejhom biex ikunu jistgħu jgħixu kwalità ta’ ħajja diċenti, huma u l-familja tagħhom.”
Fl-istess artiklu, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista permezz ta’ Ivan Bartolo kompliet tiżola lilha nnifisha fil-kritika tagħha fuq ir-riforma li minnha se jgawdu għaxart elef familja, fosthom pensjonanti li se jieħdu massimu ta’ għaxart elef ewro.
Fl-artiklu tiegħu, Bartolo għamel l-istess bħal ma għamel f’konferenza tal-aħbarijiet li kien indirizza.
Ma qal xejn dwar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista għar-riforma fil-kirjiet ta’ qabel l-elf disa’ mija ħamsa u disgħin.
Qal, “Dwar il-proposti, aħna għandna diversi proposti, aħna fi ħdan il-partit għandna diversi proposti li qegħdin niddiskutuhom, ħa joħroġ l-att il-Gvern, imbagħad niddiskutuhom tagħna wkoll.”