Dalgħodu, mill-baħar fil-Qawra, ittella’ katavru ta’ raġel.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li kien għall-ħabta tal-għaxra u kwart ta’ filgħodu meta ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fl-inħawi taż-żona tal-Ponta tal-Qawra, għax kienet intlemħet xi ħaġa suspettuża f’qiegħ il-baħar.
Fuq din l-informazzjoni, il-Pulizija tad-Distrett, membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll membri mill-Forzi Armati ta’ Malta marru fuq il-post u raw katavru f’qiegħ il-baħar.
Il-katavru ttella’ l-art fil-Qawra stess.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima, li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan il-każ u anki biex tiġi identifikata l-identità tar-raġel, għadhom għaddejjin.