21 immigrant miċ-ċentru tad-detenzjoni ta’ Ħal Safi nżammu arrestati wara li fil-jum tat-Tnejn ma pprotestawx paċifikament.
Kollha lebsin flokk oranġjo, immanetjati tnejn tnejn, l-immigranti ddaħħlu f’Awla 11 u wieġbu mhux ħatja tal-akkużi fil-konfront tagħhom.
L-immigranti huma ta’ bejn s-17 u t-38 sena, ġejjin minn nazzjonalitajiet diversi. Fosthom mis-Sudan, mill-Arabja Sawdija, mis-Somalja, min-Niġerja, mill-Alġerija, mill-Marokk u miċ-Chad.
It-tnejn filgħodu huma ħarġu jipprotestaw fil-bitħa taċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi u mbarraw il-bieb li jagħti għal fejn hemm id-dormitorji.
Huma ġew akkużati li għamlu ħsarat volontarjament fiċ-Ċentru ta’ Ħal Safi m’obdewx l-ordnijiet tal-awtoritajiet u li kisru l-paċi pubblika.
Huma ċaħdu l-akkużi fil-konfront tagħhom.
Bil-Maġistrat Charmaine Galea ordnat sabiex l-immigranti jinżammu arrestati.
Meta l-interpretu infurmhom bid-deċiżjoni tal-Maġistrat pruvaw iqajmu ftit storbju fl-Awla biex juru li ma jaqblux mad-deċiżjoni tal-Maġistrat. B’immigrant minnhom ried li jerġa’ jmur lejn iċ-ċentru tad-detenzjoni.
Iżda l-pulizija skortat ‘il barra mill-awla lill-immigranti u ttieħdu lejn il-faċilità korettiva ta’ Kordin.
L-Erbgħa l-pulizija mistennija tressaq immigrant ieħor l-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ.