B’għoli ta’ 50 sular, iċ-ċumnija f’Delimara, dik li xi darba kienet l-itwal struttura f’pajjiżna għebet darba għal dejjem hekk kif inħattet kollha bi proċess li ħa madwar sena.
Kif jixhdu l-filmati ta’ ONE News, l-inġiniera u l-ħaddiema tal-kostruzzjoni qed jagħtu l-aħħar daqqa ta’ mannara liċ-ċuminja li għal snin twal kienet ta’ deterrent għan-nofsinhar ta’ pajjiżna b’snin twal ta’ tniġġis kkawżat mil-heavy fuel oil.Waqt żjara fis-sit f’Delimara, ONE News tkellem ma’ Stephen Farrugia, l-inġinier li taħt id-direzzjoni tiegħu tmexxiet din l-operazzjoni delikata ferm. Hu stqarr magħna li dan kien proċess li rrikjeda ħafna attenzjoni u miżuri ta’ sigurtà hekk kif l-operat tal-EneMalta baqa għaddej b’mod normali.
Hu stqarr magħna li b’ 5000 tunnella ta’ konkrit u eluf ta’ tunnellati ta’ ħadid, l-Enemalta kkordinat proċess biex dan kollhu jiġi rriċiklat.
Fi ftit kliem, Farrugia spega ma’ ONE News il-proċess li ġie mplimentat biex żżarmat din iċ-ċumnija:
“Bażikament intramat struttura tal-ħadid maċ-ċuminja kollha, 150 metru biex magħha ntramat pjattaforma li fuqha kien jaħdem il-kuntrattur. Il-konkos tkisser b’żewġ mini excavators żgħar li tħaddmu b’remote minn ċertu distanza, u beda jitkisser madwar tlett metri kull darba, u t-terrapien jintefa fiċ-ċumnija stess biex eventwalment jinġabar u jiġi rriċiklat.”
ONE News tkellem ukoll ma’ Kevin Chircop, iċ-Ċermen il-ġdid tal-Enemalta li stqarr magħna li issa li din il-kumpanija laħqet il-miri tagħha, qed tħares il-quddiem biex tibda proċess ta’ investiment f’apparat u riżorsi għall-ħaddiema li ħadmu qatiegħ sa’ dan il-jum u biex issaħħaħ ir-relazzjoni tagħha mal-klijenti u man-negozji.
“Issa l-pass li jmiss hu li nsaħħu l-enemalta u jkun hemm konsolidazzjoni fis-sens ta’ affarijiet li għandom x’jaqsmu mal-ħaddiema u għamlu s-sagrifiċċju magħna bħala enemalta, allura se naraw li dawn il-ħaddiema jkunu kuntenti jiġu għax-xogħol u konsolodiment li nibnu dawk li qed insejħilhom jien bħala silent partners. L-Enemalta rridha li tkun imsieħeb preferut għan-negozji u l-kommunità Maltija.”
Waqt żjara li għamel fis-sit, il-Ministru Joe Mizzi stqarr li dan il-jum għalaq kapitlu mill-istorja tal-Enemalta u fetaħ ieħor li permezz ta’ investiment ta’ mitt miljun ewro se jwassal għal servizz indimentikabli mill-Enemalta.
“Issa l-kapitlu li jmiss huwa enerġija nadifa. Bħala riġenerazzjoni għandna l-kapaċità u għandna l-energy mix biex wieħed jilqa’ għal meta jkun hemm xi ħsara jew affarijiet oħra – hemm kapaċità biżżejjed biex nibqgħu għaddejin.”