“Diġà diffiċli li bħala ġenitur taċċetta li bintek mhix bħal tfal oħra iżda li imbgħad jiġi l-kappillan u ma jirrikonoxihiex mat-tfal l-oħra fil-praċett hija daqqa ferm ikbar.”
Din hija l-weġgħa ta’ omm Ella, tifla ta’ sebgħa snin minn Burmarrad li qiegħda fuq il-firxa wiesgħa tal-awtiżmu u li ma ngħatatx iċ-ċertifikat tal-praċett għax ma riditx tirċievi l-ostja. It-tifla li minħabba l-kundizzjoni tagħha tagħżel ħafna x’ikel tiekol, sabitha diffiċli taċċetta li tirċievi l-ostja.
Viżibbilment emozzjonatha, l-omm spjegat li l-kundizzjoni ta’ bintha tant hi kumplessa li fejn tfal oħra jiġġennu għal xi ġelat fis-sajf, bintha damet tlett isjuf biex tippruvah.Konxja ta’ kemm il-proċess huwa twil, kienet ilha sena sħiħa tipprova tikkonvinċiha tieħu l-ostja.
Omm Ella qalet li “Bdejt nippreparaha mid-dar nuriha l-ostja li trid tikolha u biex infehmha sew trid tiekol lil Ġesu biex ikun f’żaqqha għax dawn it-tfal trid tispjegalhom b’modi differenti minna. It-tifla mill-ewwel ma bdietx turi interess li teħodha l-ostja. Xorta bqajt nipprova imma xorta ma tridx.”
Meta qasmet l-istorja mal-kappillan, Fra Christian Borg, qalet li hemm bżonn jgħallmu lit-tifla tieħu l-ostja anke jekk dan jista’ joħloq skumdità qawwi għat-tifla.
Il-missier spjega ma’ ONE News li l-Kappillan kien ilu jaf li bintu ghandha l-kundizzjoni tal-awtizmu, u wara li sar jaf li kien hemm ċans li bintu ma tinagħatax iċ-ċertifikat, kellmu fuq il-midja soċjali u staqsieh dwar id-DVD tal-okkażjoni, u ċ-ċertifikat.
Missier Ella qal li “Baqa’ jirrispondini fuq id-DVD u ma jirrispondinix fuq iċ-ċertifikat. Meta għamiltielu ċara ċ-ċertifikat hux se joħroġ iva jew le qalli dik irridu nitkelmuha għax trid issir l-Ewwel Tqarbina l-oħra. Jien ma nifhimhiex la għamiltilha l-Ewwel Tqarbina u daħħalniha hemmhekk, ok ma tqarbnitx it-tifla għax hi autistic imma ma nifhimx li t-tifla m’għamlitux il-praċett għax għandha kundizzjoni.”
Il-messaġġi bejn il-ġenituri tat-tifla u l- Fra Christian Borg juru kif il-kappillan kompla jinsisti li la t-tifla ma rċevietx l-ostja hija m’għamlitx il-praċett. Meta l-missier saħaq li kien se jkellem lill-arċisqof, f’messaġġ lura Fra Christian Borg saħaq li hu kien qed jgħid biss ir-risposta tal-arċisqof.
Spjega li pprova jagħmel kuntatt mal-Kurja iżda sal-hin li tkellimna magħhom ma kellhomx risposta. Ma kelmu hadd lura.
Jean Claude Agius qal li “Hawn ċerti Kappillani li jaċċettaw – naf min għamel ta’ autistic u ma tqarbnux, u xorta għamilulhom il-praċett. Imma l-Kappillan tagħna inzerta wieħed li ma jridx jaċċettaha.”
Madankollu meta affaċjati minn ONE NEWS il-kurja ċaħdet li l-arċisqof jaf b’dan il-każ; u wara li l-istorja ħarġet fuq one.com.mt l-Arċisqof għamel kuntatt mal-familja biex jiltaqa’ magħhom.
Madankollu ir-reazzjoni kompliet b’mod li ma tgħarafx il-bżonnijiet ta’ persuni fuq il-firxa wiesgħa tal-awtiżmu. Dan hekk kif ir-risposta tal-knisja kienet tgħid li la kien hemm oħrajn fuq l-istess firxa li rnexxielhom jitqarbnu qabel hi tista’ wkoll. Dan filwaqt li huwa magħruf li kull każ ta’ persuna fuq il-firxa tal-awtiżmu huwa differenti. Filfatt, omm it-tifla spjegat kif filwaqt li għal ħafna tfal hija normali li tiekol ġelat fis-Sajf, għal Ella mhux hekk. Dan hekk kif damet tlett sjuf biex idduq ġelat.
L-omm tennet li għalkemm il-knisja ma’ ħallitiex tagħmel il-praċett xejn ma jneħħilha mit-titlu t’anġlu.
Agius qalet li “Dik anġlu fis-sens tal-kelma la għandha mibegħda, tħobbok, tiġi tbusek, ma nbiddilha ma’ xejn u lilha rrid. Żgur għax l-imħabba li ttik hi ma jagħtiehel ħadd żgur żgur. Trid ħafna paċenzja magħha. Ma neħodhiex kontra l-Mulej. Il-Mulej bagħtieli u jien lesta li nieħu ħsiebha.”