Din kienet l-aħħar titjira f’xita qliel matul il-jum tat-Tlieta għal Norman D’Amato li rtira minn bdot propju hekk kif għalaq 65 sena.
Spjegalna kif wara li ġie mill-Awstralja flimkien ma’ familtu li kienet familja tal-baħar, dlonk qabad il-linja medika iżda ma damx wisq.
D’Amato stqarr: “Meta ħarġu l-applications, l-Airmalta, dan kien fis-74, għedt daqshekk studju, għedt mela nidħol mal-Airmalta bħala pilot u hekk għamilt tlaqt il-linja tal-mediċina u dħalt għal-linja ta’ pilot mal-Airmalta.”
Huwa kien wieħed mill-ewwel grupp li tħarrġu mal-Airmalta sa mit-twaqqif tagħha u tul il-karriera tiegħu dar id-dinja fosthom anki kien stazzjonat fi New Zealand.
Spjegalna kif titjira li tibqa’ f’moħħu kienet meta ġab il-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni fl-1990.
“Fl-aħħar 45 sena għamilt 23,000 siegħa titjir fuq ajruplani jiġifieri fil-karriera tiegħi u għamilt xi 6,000 siegħa oħra simulators għax jiena kont nittrenja n-nies fuq ajruplani u għadni sal-bieraħ jiġifieri fis-simulators, konna nagħmlu diversi training”, sostna D’Amato.
Fl-aħħar jum tax-xogħol tiegħu fl-uffiċċju qalilna kif evolva s-settur tal-avjazzjoni speċjalment fil-kabina tal-ajruplan.
D’Amato tenna: “Kellna instrumenti kienu żgħar jiġifieri kemm tarahom. Illum hemm il-GPS jiġifieri, dak iż-żmien ma kellna xejn, kollox jiddependi fuq VORs li kienu beacons jiġifieri tgħid immur minn beacon għall-ieħor u NDBs u llum għandek bħall-karozzi, għandek il-GPS u għandek instrumenti u sistemi avvanzati fuq l-ajruplan.”
Xi praspura fl-ajru tul dawn l-aħħar 45 sena ma naqsitx.
D’Amato kompla jirrakonta “Darba minnhom kont qed nagħmel it-training fuq ajruplan żgħir. L-instructor qalli orrajt we have an engine failure u jien għamiltlu t-touch drill, missejt l-affarijiet u baqa’ jħares lejja, jien għidt iridni nagħmilhom vera dan? U għamiltomlu vera. Tfejtlu l-unika magna li kellna jiġifieri. Allura l-ispeed għamlilna waħda hekk, beda nieżel xkanat, jiġifieri we dived down, kelli l-instructor he dived the aeroplane down and we landed like preparation. Kif illandjajna għamilna waħda hekk pingggggggg.”
Ma setax jonqos li fl-aħħar titjira tiegħu lejn u minn Ruma ħa miegħu l-għeżież tiegħu u llum sodisfatt bis-servizz li ta lil aktar minn żewġ miljun passiġġier li ġarr miegħu.
“Ilbieraħ ħadt il-familja tiegħi bħala l-aħħar esperjenza wkoll. Nista’ nibqa’ ntajjar ajruplani, jiġifieri mhux bil-passiġġieri għax hemm limit ta’ 65 sena fl-Ewropa u għaldaqstant ħassejtni sodisfatt li I made it this far”, temm jgħid D’Amato.