Dun Ġużepp Sultana ta’ 84 sena u Dun Ġuzepp Cini ta’ 71 sena, it-tnejn mix-Xagħra Għawdex, baqgħu jinżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti ta’ Għawdex akkużati b’abbuż u stupru fuq abbati minorenni.
Sultana qed jiġi akkużat li bejn l-2003 u l-2005 abbuża sesswalment minn abbati li dak iż-żmien kellu bejn it-tmien u disa’ snin. Min-naħa l-oħra l-Pulizija akkużat lil Cini li fl-istess perjodu kkommetta stupru fuq l-istess abbati.
Fil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Monica Vella, xehed il-vittma f’kamra wara l-awla permezz ta’ videoconferencing, peress li ġie meqjus bħala persuna vulnerabbli.
Fl-ewwel seduta fil-konfront ta’ Dun Ġużepp Sultana, il-vittma qal li l-ewwel persuna li fetaħ qalbu magħha dwar dan l-allegat abbuż kien Dun Anton Teuma madwar sentejn ilu, illum l-Isqof t’Għawdex. Wara fetaħ qalbu ma’ qassis Għawdxi ieħor Fr Dominic Sultana li t-tnejn irreferewh għand Andrew Azzopardi mis-Safe Guarding Commission tal-Knisja.
Fix-xhieda l-vittma, li llum il-ġurnata jgħix l-Italja, spjega kif Sultana allegatament kien idaħħlu għal żewġ minuti f’konfessjonarju tal-qrar liebes ta’ abbati fis-sagristija u hemmhekk, filwaqt li l-qassis kien ipoġġi bilqiegħda, jgħidlu biex joqgħod quddiemu. Imbikkem il-vittma qal li Dun Ġużepp kien idaħħal idu minn taħt is-suttana, iħollu l-buttuna tal-qalziet u jibda jimmasturbah. Hawnhekk il-vittma qal kif is-saċerdot kien jheddu li se jikxef mal-ġenituri jew li se jmur l-infern. Intqal li l-allegat abbuż seħħ ukoll fil-kamra tal-Arċipriet.
Fix-xhieda ħareġ ukoll kif b’dawn l-affarijiet il-vittma qatt ma kellem lil ħadd. Saħaq li dawn ħallew impatt fuqu li saħansitra qabad il-vizzju tax-xorb, droga u anke pprova jagħmel suwiċidju.
Wara madwar tliet sigħat daħal fl-awla Dun Ġużepp Cini, fejn wara li wieġeb li mhux ħati bdiet tinstema x-xhieda tal-vittma.
Il-vittma beda jirrakkonta kif Dun Ġużepp Cini darba minnhom ħadu d-dar tiegħu biex jkun jista’ jurih xi mossi tar-wrestling. Hawnekk il-vittma xehed kif fuq is-sufan Cini beda jmellislu xagħru u tah flixkun luminata. Minn hawn talbu biex imur fil-kamra tal-banju u xħin ġie lura s-saċerdot qallu jekk ħasilx idu u l-parti privata tiegħu. Il-vittma wieġeb li le. Emozzjonat fix-xhieda qal li ħadu fil-kamra tal-banju ħasillu idu, neżżalu l-qalziet u daħħal l-parti privata tal-vittma f’ħalqu.
Iżda fix-xhieda ħareġ ukoll li din ma kinitx l-ewwel darba hekk kif drabi oħra kien imur għalih fiċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet u jieħdu fil-kampanja fid-dawl tax-xemx bil-karozza. Hawnhekk kien jaqbadlu idu u jpoġġiha fuq il-parti privata tiegħu. Wara kull allegat abbuż is-saċerdot kien itih il-flus.
Irrakkonta kif f’att minnhom Cini sforza ruħu fuqu u l-vittma beda jgħajjat u jibki bl-uġigħ.
Il-vittma allega li Dun Ġużepp Cini abbuża minn tfal minorenni oħra, saħanistra wieħed minnhom għamel suwiċidju b’overdose.
Iż-żewġ saċerdoti ħarġu mill-Qorti akkumpanjati mill-Prosekuturi.
Intant, Dun Ġużepp Cini waqt li kien ħiereġ mill-Qorti qabad maktur u beda jxejru lejn il-ġurnalisti preżenti, fejn mistoqsi jekk jiddispjaċihx wieġeb “M’intix tarani nibki?”
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/01/26/esklussiva-allegat-kaz-tabbuz-fuq-tfal-minn-zewg-qassisin-fghawdex-1/