Żewġ Bulgari ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest wara li tressqu l-Qorti taħt arrest akkużati li fil-pussess tagħhom kellhom apparat li jintuza sabiex jinsterqu dettalji minn fuq ATMs.
Kien permezz ta’ informazzjoni li l-EUROPOL bgħatet lill-Pulizija Maltija – li ġew interċettati żewġ barranin – Kitanchev Blagoy Zhorov u Polihronov Spas Georgiev u li t-tnejn li huma m’għandhomx impjieg.
B’ din l-informazzjoni l-Pulizija tat-taqsima tal-Frodi f’operazzjoni mwettqa s-Sibt fi blokka apartamenti f’San Ġiljan arrestat liż-żewġ imputati biex imbagħad fil-Qorti xliethom bi kriminalita’ organizzata u li assoċjaw ruħhom ma’ persuni sabiex iwettqu reati kriminali. U kif ukoll li nstabu jew kellhom fil-pussess tagħhom oġġetti għall-użu fit-twettieq jew konnessjoni ta’ frodi.
Hija użanza tas-soltu li grupp ta’ kriminali barranin jiġu f’pajjiżna sabiex jisirqu kemm jifilħu dettaljji minn fuq karti ta’ kreditu li jintużaw f’ATMs biex eventwalment ikunu jistgħu jagħmlu transazzjonijiet minn kontijiet ta’ terzi persuni.
Intant, id-difiża mmexxija minn Dr. Fransina Abela mill-għajnuna legali wieġbet għall-akkużati li mhumiex ħatja, iżda mhux qed titlob il-ħelsien mill-arrest.
Hija talbet ukoll li l-imputati jingħataw sentenza sospiża madankollu l-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Matthew Vella oġġezzjonat għal dan.
Hija qalet li dan huwa reat gravi li permezz tiegħu jistgħu jiġu ffrodati ammont kbir ta’ nies.
Id-difiża qalet ukoll li minkejja li nstabu dawn l-oġġetti li jintużaw għal dawn it-tip ta’ reati, l-imputati ma’ kellhomx l-iskop li jużawha.
Min-naħa tagħha l-Prosekuzzjoni qalet li l-imputati kkoperaw mal-Pulizija, fejn dawn ġew arrestati siegħa qabel ma’ kienu se jitilqu minn pajjiżna.
Sorsi qrib il-Pulizija tkellmu ma’ ONE News fejn qalu li x’aktarx b’rabta ma’ dan il-każ il-Pulizija mistennija tressaq persuna oħra.