Thomas James Everett Ingliż ta’ 43 sena, Wayne Attard ta’ 26 sena li joqgħod Pembroke, Stefan Vassallo ta’ 30 sena minn San Ġwann u Christopher Julian Cordina ta’ 26 sena mill-Ħamrun baqgħu jinżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti mixlija b’reati marbuta ma’ traffikar tad-droga.
Dan wara sejba kbira ta’ droga suspettata kannabis li l-valur tagħha fis-suq hu stmat li jaqbeż iż-żewġ miljun u nofs ewro.
Stefan Vassallo qed ikun akkużat ukoll li huwa riċediv.
Il-qabda ta’ droga saret wara li tard nhar it-Tlieta waranofsinhar, il-pulizija segwew vann li kien qed jinstaq lejn il-Qasam Industrijali ta’ Burmarrad.
Il-Prosekuzzjoni fil-Qorti spjegat kif il-pulizija bdiet issegwi l-vann wara informazzjoni anonima li daħlitilha.
Hemmhekk il-vann daħal f’garaxx u f’dan il-mument il-pulizija ċċirkondaw il-post u daħlu.
Kien hawnhekk li l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kkonfermaw l-investigazzjonijiet, fejn instab ammont kbir ta’ laned taż-żebbuġ, li moħbijin fihom instabet id-droga kannabis.
Mill-garaxx ġie elevat apparat biex il-kannabis tiġi ppakkjata u ssiġġillata fil-boroż, ammonti żgħar ta’ droga suspettata kokaina, ecstasy u amfetamina, flimkien ma’ arma tan-nar u munizzjon kif ukoll ammont sostanzjali ta’ flus kontanti.
Ġie spjegat kif il-pulizija kif sabu 441 landa taż-żebbuġ mimlija pakketti tad-droga fost l-oħrajn.
Sabu wkoll arma kkargata b’erba’ balal fiha.
L-akkużati kollha wieġbu mhux ħatja tal-akkużi kontrihom.
Il-Prosekuzzjoni talbet għall-iffriżar fuq l-assi kollha tal-akkużati.
Id-Difiża oġġezzjonat għal din it-talba.
Il-Qorti laqgħet it-talba u ordnat il-ħruġ tal-ordni tal-iffriżar fuq l-assi tal-akkużati.
F’dan l-istadju d-Difiża ta’ kull akkużat ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/08/19/erbat-irgiel-arrestati-brabta-ma-qabda-ta-136kg-droga-fburmarrad-valur-ta-e2-5-miljun/