Lawrence Abina ta’ 30 sena mill-Ghana baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil ta’ Rita Ellul ta’ 49 sena.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u l-Avukat Difensur ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.
Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Bridgette Sultana, il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-każ seħħ is-Sibt li għadda għall-ħabta ta’ nofsinhar meta l-Pulizija ġiet infurmata li Rita Ellul instabet mejta f’residenza fi Triq Dun Franġisk Mizzi, Għajnsielem.
Fi stqarrija mibgħuta qabel mill-Pulizija ntqal kif il-każ ħa żvolta t-Tlieta wara nofsinhar, hekk kif wara r-riżultat tal-awtopsja, il-Pulizija bdiet titratta l-każ bħala wieħed ta’ omiċidju.
Dan hekk kif l-awtopsja kkonkludiet li l-mara mietet fgata.
Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija tal-Iskwadra tal-Omiċidju flimkien ma’ dawk tad-Distrett waslu għall-arrest tar-raġel.
Il-Maġistrat qrat l-akkużi miġjuba kontra l-imputat u qalet kif għal dawn l-akkużi jista’ jeħel sa għomor il-ħabs.
Abina qal li jaħdem bħala xufier.
Fl-awla kien hemm preżenza kbira ta’ Pulizija kif ukoll għadd ta’ qraba tal-vittma.
Dr Joseph Grech, l-Avukat Difensur ma kkontestax l-validità tal-arrest.
L-Avukati Franco Debono u Marion Camiller dehru għall-familja tal-vittma.