Il-kors intensiv għat-tfal b’diżabilità f’Għawdex organizzat minn Voice for Inclusion Gozo u Hand in Hand u b’fondi mill-Ministeru għal Għawdex intemm b’suċċess.
Waqt żjara li għamel il-Ministru għal Għawdex mal-Ministru għall-Inklużjoni ġie nnotat il-progress tat-tfal, li grazzi għal dan il-kors tejbu l-mod kif jikkomunikaw.
Il-kors li sar b’investiment ta’ sittin elf ewro u attendew għalih erbgħa u għoxrin tifel u tifla b’firxa ta’ diżabilitajiet differenti.
Iċ-chairperson ta’ Voice for Inclusion Paulina Said stqarret kif din il-kollaborazzjoni mal-Gvern issarrfet f’finanzjament ta’ elfejn u ħames mitt ewro għal kull student li attenda għall-kors.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri irringrazzja lil kull min ta s-sehem tiegħu sabiex dan il-kors ikun suċċess.
“Għaldaqstant nemmen li permezz ta’ din l-inizjattiva tajna opportunitajiet indaqs u ugwali għat-tfal Għawdxin li għandhom xi forma ta’ diżabilità.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli spjegat kif permezz ta’ dan il-kors intensiv tkompliet il-ħidma biex tfal b’diżabbiltà jkollhom ħiliet ġodda.
“Ikunu jistgħu matul is-sajf jenfasizzaw fuq dawk l-għoddod bażiċi tal-ħajja illi tgħinhom ikollhom ħiliet f’areas differenti. Dan il-programm kien wieħed ta’ suċċess għaliex permezz tiegħu stajna naraw diversi tfal itejjbu dawn il-ħiliet tagħhom.”