Il-Ħadd waranofsinhar, infetħu tliet flyovers ġodda fil-proġett tal-Junction tal-Marsa.
Dawn issa se jiffaċilitaw l-ivvjaġġar bejn Triq Aldo Moro fil-Marsa u Vjal Santa Luċija, bejn Santa Luċija u Triq Giuseppe Garibaldi, u bejn Ħal Luqa u l-Gudja.
Dan l-istazzjon tkellem mal-Perit Raphael Abdilla mumenti qabel infetħu l-flyovers għall-ħabta tat-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar, u spjega d-differenza li se jġibu magħhom dawn il-karreġġjati mill-ivvjaġġar li kien isir sa issa.
Il-Perit Abdilla stqarr, “S’issa dejjem għidna li l-flyovers kienu qed jintużaw b’mod kontra d-direzzjoni permanenti tagħhom, kif ħa niftħu dawn ħa nkunu qed nużawhom fil-pożizzjoni finali tagħhom għalhekk nappella lis-sewwieqa biex isuqu fuq il-karreġġjata ta’ ġewwa kemm jista’ jkun meta jkun sejrin lejn Vjal Sir Paul Boffa biex ma jkunx hemm qsim ta’ karreġġjati għalxejn, min ikun sejjer lejn Santa Luċija jista’ jżomm f’tan-nofs u min ikun sejjer lejn Triq Garibaldi jkun qiegħed fuq il-karreġġjata ta’ barra nett.”
F’intervent li għamel waqt attività politika l-Ħadd filgħodu, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg, fakkar li Gvern Laburista dejjem sema’ l-karba tar-residenti tan-nofsinhar ta’ Malta.
Il-Ministru Borg sostna, “Għal għexieren ta’ snin, kienu jgħidu hemm bżonn isir xi ħaġa quddiem iċ-ċimiterju, hemm bżonn naraw x’se nagħmlu, fin-97 Gvern Laburista kien għamel it-traffic lights. Kien jaf li dawk huma miżuri temporanji, servew għal ħafna snin u kellu jerġa’ jkun Gvern Laburista li jiftaħ dan il-kuritur daqstant importanti għan-nies tas-south sabiex ikunu jistgħu jivvjaġġaw, lejn djarhom, il-post tax-xogħol bl-inqas inkonvenjent possibbli.”
Intant, wara l-ftuħ tat-tliet flyovers il-ġodda, il-Perit Abdilla qal li jonqos biss l-aħħar ftit ġimgħat xogħol biex il-flyovers kollha tal-ikbar proġett infrastrutturali fin-naħa isfel ta’ Malta, jinfetħu kollha u jkomplu jiffaċilitaw l-ivvjaġġar fin-nofsinhar tal-pajjiż.
“Ħa nkunu qegħdin nagħlqu l-flyovers li kellna miftuħin s’issa. Dawn fadlilhom xi sogħlijiet żgħar, l-aħħar saff ta’ asfalt, anki l-expansion joints, ħa nkunu qed naħdmu fuq dawk l-affarijiet biex inkunu nistgħu niftħu l-flyovers kollha.” Temm jgħid il-Perit Abdilla.