Il-kaxxi tal-kartun doppji u bla dettalji li kienu mgeżwra fihom il-grosos tas-sigaretti tal-kuntrabandu, kienu fost l-ewwel suspetti li għorku l-għajnejn għassiesa tal-uffiċjali tad-Dwana Maltija li l-kontejners seta’ kienu mimlija b’sigaretti foloz u tal-kuntrabandu.
Stqarr dan id-Direttur Ġenerali tad-Dwana Joe Chetcuti waqt li kienu qegħdin iħottu l-kaxxi mill-erba’ kontejners li nħażnu fihom is-37 miljun sigarett tal-kuntrabandu fil-Marsa.
Is-sigaretti kienu jġibu l-isem ta’ Queen Clepoatra, ditta rinomata ħafna fl-Eġittu li kkonfermat li s-sigaretti ma kinux tagħha. Fil-fatt se tkun il-Qorti li tikkonferma l-awtentiċità tagħhom u tiddeċiedi meta jinqerdu.
Is-Sur Chetcuti qal li fost il-fatturi li wasslu għal din il-qabda kien hemm il-kaxxi doppji li fihom inħażnu s-sigaretti. Qal li s-suspetti tqajmu meta waslet id-dokumentazzjoni f’idejn l-uffiċjali Maltin tal-ewwel kontejner li bdew juru li s-sigaretti oriġinaw mill-Kambodja bid-destinazzjoni tkun il-Libja.
“Meta wasal Malta l-ewwel kontejner madwar ħames ġimgħat ilu, dan intgħażel biex jiġi skenjat u rriżulta li kien hemm dawn il-kaxxi suspettużi. Imbagħad kellna dokumentazzjoni li ġej it-tieni, it-tielet u r-raba’ wieħed allura qadna nistennew li jiġu kollha u eventwalment rriżulta li kollha kienu l-istess”.
Is-Sur Chetcuti ta ħarsa lejn is-suċċessi rekord li d-Dwana għamlet fl-aħħar sena, ewlenin fosthom qbid ta’ sigaretti, droga kannabis u oġġetti foloz. Qal li s’issa d-Dwana għamlet qabda ta’ 54 miljun sigarett tal-kuntrabandu, kważi d-doppju tal-elfejn u sittax. Ħdax-il tunnellata droga kannabis, jiġifieri kważi 500 darba iżjed minn sentejn ilu. Qabdet ukoll 86 miljun oġġett falz, jiġifieri iktar minn erba’ darbiet mill-2016.
“Il-figuri ta’ dak li ksibna din is-sena qegħdin hemm biex xi darba jerġgħu jinkisru u jalla nkunu aħna li niksruhom is-sena d-dieħla. Il-fatt hu li dawn ir-riżultati jien nara l-għerq tagħhom fl-investiment li l-Gvern qed jagħmel fid-dipartiment tad-Dwana”
Is-Sur Chetcuti spjega li l-isforzi li qed tagħmel id-Dwana flimkien mal-Pulizija Maltija qed iwasslu biex tonqos il-Kriminalità Organizzata.
“Organised Crime tfisser li l-qligħ tagħha ħafna drabi jispiċċaw ‘Money Laundered’. Mela ‘Dwana b’saħħitha’ fuq il-fruntieri tfisser li għandek għodda oħra b’saħħitha fil-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus”.
Is-Sur Chetcuti spjega kif jeżistu tipi differenti ta’ kuntrabandu tas-sigaretti fosthom dawk li jiddaħħlu illegalment bla ma titħallas taxxa.