Sogħla li ħasibha dik ta’ qabel ir-riħ li jkollu ta’ kull sena, spiċċat kienet sintomu tal-Covid-19.
Irrakkonta dan l-attur Malti Mario Micallef, fejn spjega kif test tal-Covid-19 rriżultalu fil-pożittiv wara li qraba tiegħu qalulu biex jagħmel wieħed.
Micallef spjega li ħassu sorpriż wara li rriżulta pożittiv, mhux għax ħaseb li hu speċjali, iżda għax qagħad b’seba’ mitt għajn biex jieħu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji biex jevita li jaqbdu l-virus.
Waqt il-programm ta’ filgħodu fuq l-istazzjon ONE, Mario Micallef spjega kif minkejja li pprova jistrieħ, ma’ kull jum li jgħaddi s-sintomi bdew jiggravaw tant li kellu jiddaħħal l-isptar.
Spjega kif meta raw il-kundizzjoni tiegħu, it-tobba qalulu li kienu se jintubawh. Mario Micallef qal kif dak il-ħin ma kienx jaf x’ser jgħid u minkejja li ħaseb li kien f’siktu, ma kellux idea l-ħin kif kien għaddej.
Wara li ġie ntubat, hu għamel 14-il jum fejn għalih kienu qishom ħolma u qishu raqad u qam l-għada.
Hu rringrazzja lill-infermiera u t-tobba kollha fl-isptar li jaħdmu qatigħ u b’imħabba kbira u kif mingħajrhom kieku hu ma jinsabx fejn hu.
Qal kif kienet esperjenza li tgħallmek kemm hi sabiħa l-ħajja hekk kif wara li fieq, sar igawdi aktar il-ħajja, il-familja, il-ħbieb. L-appell tiegħu kien biex kulħadd għandu jieħu ħsieb u biex jilqgħu l-istedina u jmorru jieħdu l-vaċċin.