Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri, kixef ma’ ONE News li fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ġie diskuss il-fatt li kellu jieħu sehem fil-konsultazzjoni pubblika dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi.
Madankollu l-istess konsultazzjoni baqgħet ma rat l-ebda sottomissjoni mill-Partit Nazzjonalista.
Spiteri kixef dan barra l-Parlament mal-mikrofonu ta’ dan l-istazzjon.
“Iddiskutejna dan kollu fil-Grupp Parlamentari.”
Id-dikjarazzjoni ta’ Stephen Spiteri tkompli ma’ dik tal-kollega tiegħu Stanley Zammit ftit tal-ġimgħat ilu, fejn tenna li l-Partit Nazzjonalista kellu sal-21 ta’ April biex jitfa’ s-sottomissjoni tiegħu.
Indikazzjoni ċara tal-intenzjoni tal-Partit Nazzjonalista li jieħu sehem f’din il-konsultazzjoni, madankollu għal xi raġuni, intenzjoni li qatt ma mmaterjalizzat.
Stanley Zammit – “Il-liċenzjar ta’ kuntratturi qegħdin fi proċess ta’ konsultazzjoni. Aħna u l-istakeholders kollha.”
Ġurnalist – “Ilha iktar minn ġimgħa imma u għadkom qas ħadtu pożizzjoni.”
Stanley Zammit – “Għandna, jekk mhiniex sejjer żball, sal-21 ta’ April.”
Intant, barra l-Parlament it-Tlieta filgħaxija, ONE News staqsa lil numru ta’ Deputati oħrajn dwar in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-Partit Nazzjonalista f’din il-konsultazzjoni importanti u li għaliha pparteċipaw ’il fuq minn elf persuna li saħansitra attendew għal-laqgħat imħejjija dwarha.
Madankollu quddiem il-mistoqsijiet ta’ ONE News, dawn id-Deputati waqgħu fil-muta.
Kienet id-Deputat Paula Mifsud Bonnici, li bl-istess ton tal-Kap tagħha fejn qal li l-konsultazzjonijiet jagħmilhom hu biss, sostniet li l-Partit Nazzjonalista ma ssottomettiex proposti għaliex huwa l-Oppożizzjoni tal-pajjiż.
“Għax aħna Oppożizzjoni, mhux hekk?”
Fil-jiem li għaddew, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, għamilha ċara għal darba darbtejn, li l-Partit Nazzjonalista m’għandux għalfejn jipparteċipa fi proċessi importanti ta’ dan it-tip.
“Aħna m’għandniex għalfejn nipparteċipaw fi proċess … ma jfissirx li nagħmlu sottomissjonijiet lill-Gvern.”