Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li ma attendiex għall-kunċert privat estravaganti organizzat mill-koppja Metsola fit-teatru Manoel.
Il-Ħadd li għadda l-gazzetta Illum żvelat id-dettalji b’rabta ma’ dan il-kunċert hekk kif iddeskrivietu bħala ‘riċeviment a la grande fil-Manoel’ fil-faċċata tagħha.
Avveniment li għalih mhux biss inkera t-teatru sħiħ iżda wkoll l-orkestra nazzjonali.
Punt interessanti kien il-mistiedna speċjali għal dan l-avveniment li sewa eluf kbar ta’ ewro. Richard Cachia Caruana, wieħed minn dawk li għal snin twal mexxa l-politika fil-Partit Nazzjonalista, partikolarment dik ta’ GonziPN kien preżenti flimkien mal-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.
Cachia Caruana jqis lil Metsola fil-grupp ta’ nies qrib tiegħu, li jinkludu wkoll lil Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina, Lawrence Gonzi, u Louis Galea fost oħrajn.
L-istess klikka ta’ nies kienet fuq quddiem nett meta, ftit ġimgħat ilu, Metsola għamlet taħdita fil-Każin Malti.
Madankollu l-Kap Bernard Grech li l-Partit tiegħu, Roberta Metsola tikkandida ruħha miegħu biex issib postha fil-Parlament Ewropew, lanqas biss mar għal dan l-avveniment.
Viżibbilment skomdu Bernard Grech dwar il-kunċert ta’ Metsola, kompla jgħidilna hekk.
“Jiena l-Manoel immur diversi drabi ovvjament ikun hemm rappreżentazzjonijiet. Jiena mhux kwistjoni li mmur għall-kunċert ta’ Roberta Metsola, jiena l-aħħar li mort il-Manoel rajt rappreżentazzjoni sabiħa.”