Dawn kienu l-mumenti ta’ kaos u paniku li ddominaw il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt fil-Floriana, wara li l-Ark tal-festa nħakem minn fjammi kbar tan-nar u nqered għalkollox.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-siegħa u nofs tas-Sibt filgħodu fi Triq San Publiju maġenb il-Knisja tal-Furjana.
Resident żagħżugħ li joqgħod tefgħa ta’ ġebla bogħod minn fejn seħħ l-inċident, spjega kif kien se jorqod meta f’daqqa waħda sema’ tfaqqiegħ qawwi u xamm riħa ta’ injam jaqbad.
“Fid-daqqa u l-ħin nisma’ lil ommi tgħajjat qed jaqbad qed jaqbad. Qomt maħsud ħriġt fil-kuritur u mill-kamra t’ommi nara ballun nar. Dak il-ħin ħsibt li n-nar ġej minn ġewwa, qbadt il-fire extinguisher u bdejt niġri bil-paniku. Imbagħad ommi qaltli li l-ark tal-festa qed jaqbad warajna, inżilt niġri u kif ftaħt il-bieb ta’ barra nara ballun nar u sħana tremenda li lanqas tħallik tħares,” qal Gianluca Alamango.
Iż-żagħżugħ reġà tela fuq biex ġab iċ-ċwievet tal-karozzi tiegħu u ta’ missieru, u ressaqhom għal triq oħra kif kien għadu fil-ħin, biex b’xorti tajba ma ġarrbux ħsarat.
Mhux l-istess jista’ jingħad għal erba’ vetturi oħra li kienu pparkjati biswit l-ark, u nqerdu għalkollox.
“Ir-raġel qalli l-karozza, il-karozza! U jiena ħsibtu niżel xi ħadd fis-sakra peress li kienet wara l-ark ta’ San Pupulju u għidt niżel xi ħadd u baqa’ dieħel fuqha. Qalli qum, qum! U qomt u kif dħalt fil-gallarija nara daħna kbira u ġġennint,”qalet Denise Sarakinos, residenta oħra.
L-ark tal-festa ta’ San Publiju fil-Furjana ntrama’ għall-ewwel darba mija u għoxrin sena ilu, u huwa parti ewlenija miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa.
“Aħna konna ngħidulu l-ark trijonfali huwa simbolu għad-daħla trijonfali tal-istatwa ta’ San Publiju. Għalina kien landmark, simbolu kbir ta’ arti u arkitettura kbira,” qal Mark Ciantar.
U għalkemm il-festa tar-raħal hija speċjali għar-residenti, żgur li mhux se jkollha l-istess sinifikat għal dawk li esperjenzaw mill-qrib dan il-lejl ikrah.
“Tista’ ma ssirx għalissa. Inħobbu ħafna għax sal-istatwa għandi imma tista’ ma ssirx għalija.”
“Din għalina l-isbaħ parti tal-festa għax nieqfu bil-vara taħtu u nkantaw l-innu u nżeffnu l-vara. Esperjenza tad-dwejjaq ħafna u l-festa mhux ħa tkun l-istess mingħajr l-ark.”
F’ħidma intensiva li ħadet xejn inqas minn siegħa, pumpiera mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kkontrollaw il-fjammi malajr kemm setgħu, iżda l-ark u l-karozzi li kienu pparkjati fit-triq inqerdu għalkollox.
Fuq Facebook, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, qal li sar kuntatt bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Knisja biex tingħata l-għajnuna meħtieġa.
B’xorti tajba, ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident. Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.
“Kull deni ħudu b’ġid. Il-Furjaniżi ingħaqdu, kulħadd ġie jara x’ġara jekk weġġax xi ħadd jew jekk hemmx bżonn xi ħaġa u milli smajt diġa qed jiġbru biex nerġgħu nagħmluh l-ark,” qal Alamango.