Daħal fil-port taċ-Ċirkewwa r-raba’ vapur tal-Gozo Channel biex b’hekk dan ser ikun qed ikabbar il-flotta tal-Gozo Channel b’vapur ieħor biex ir-residenti Għawdxin u kull min jaqsam il-fligu jingħata servizz aħjar.
Kien madwar sena ilu li l-Ministru Justyne Caruana semmiet il-ħtieġa tar-raba’ vapur u dan għall-fatt li l-patrunaġġ tal-vapur kien qed jiżdied minn gimgħa għall-oħra u għaldaqstant kien qed jiġi affetwat l-operat u l-effiċjenza tal-istess Gozo Channel.
Kien għalhekk li b’mod immedjat skatta proċess mifrux fuq żewġ binarji. Bdew id-diskussjonijiet mal-awtoritajiet biex il-Gozo Channel tkun tista’ żżid vapur ieħor u kif ukoll it-teknici tal-kumpanija bdew ifittxu vapur li m’hux biss jindirizza l-bżonnijiet imma li jkun addattat għall-portijiet tagħna ‘Għamilna kuntatt ma’ bosta aġenziji internazzjonali biex jinstab vapur li jindirizza l-bżonnijet tal-Gozo Channel iżda l-mod ta’ kif ġew mibnija l-portijiet preżenti taw diversi sfidi għaliex huma addatati għall-vapuri taghna biss’ qalet l-Onor Caruana.
Il-Ministru għal Għawdex stqarret li biż-żieda tar-raba’ vapur mall-flotta eżistenti l-efficjenza tal-Gozo Channel ser titjieb u żgur ser itaffi ħafna mill-iskariġġ li jgħaddu minn dawk kollha li jaqsmu l-fligu. L-Onor Caruana spjegat li dan il-vapur ġie mikri għal perjodu definit sakemm jinħareġ tender internazzjonali biex eventwalment il-kumpanija Gozo Channel tikri l-vapir għall-perjodu itwal ta’ żmien. Il-Ministru Caruana qalet li biż-żieda ta’ dan il-vapur, ser ikun hemm tibdil ukoll fil-ħinijiet tal-iskeda tal-vapur biex b’hekk ikunu aktar frekwenti. Dan għaliex flok żewġ vapuri, l-iskeda ser tiġi operata bi tlett vapuri filwaqt li vapur ieħor ser ikun iddedikat għall-vetturi kummerċjali. ‘Iż-żieda ta’ vapur ieħor ser toffri faċilita lill-kumpanija biex tippjana aħjar u ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq il-vapuri l-oħra mingħajr ma’ jiżdied l-inkonvenjent lil dawk li ta’ kuljum jużaw is-servizz tal-Gozo Channel’ qalet il-Ministru Caruana.
Biż-żieda tar-raba’ vapur, bl-introduzzjoni tal-fast ferry hekk kif jiġu konklużi l-proċeduri legali l-Qorti u bil-proġett ambizzjuz tal-mina qed nuru bil-fatti li dan huwa Gvern li għandu viżjoni u li qed titwettaq permezz ta’ strategija fit-tul għall-ġid ta’ Għawdex.