Il-Pulizija għaddejja bi tfittxija intensiva għal żewġt irġiel li t-Tlieta figlħodu allegatament wettqu f’kemm trodd salib attentat ta’ serqa u hold-up minn ħanut fi Triq Abate Rigord f’Ta’ Xbiex.
Il-Pulizija qalet li kienu għall-ħabta tat-tmienja neqsin għaxra li raġel mgħammad u armat b’sikkina twila daħal fil-ħanut u talab għall-flus lill-kaxxiera, mara ta’ tlieta u erbgħin sena mill-Belt.
Filmati minn cameras tas-CCTV li kiseb ONE News juru lill-ħalliel, li x’aktarx huwa Malti, jidħol fil-ħanut bis-sikkina f’idu u beda jhedded lill-mara fil-ħanut biex tagħtih il-flus kollha li kellha fil-cash register.
Il-filmati juru wkoll lill-ħalliel jieħu l-flus mill-cash register u jaħrab minn fuq il-post. Fil-ħin tas-serqa fil-ħanut kien hemm xi persuni oħra, iżda b’xorta tajba ħadd minnhom ma ndarab għalkemm il-kaxxiera kellha qatgħa kbira fuqha.
Il-Pulizija żiedet tgħid li waqt li kienu għaddejjin l-investigazzjonijiet dwar din is-serqa, għall-ħabta tad-disgħa mara ta’ 35 sena minn Raħal Ġdid marret l-Għassa tal-Imsida u rrapportat li għall-ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħodu, waqqfuha żewġt irġiel mgħammda fl-istess triq u pprovaw jisirqulha l-handbag.
Mill-istħarriġ tal-Pulizija ħareġ li waqt li l-vittma bdiet tgħajjat għall-għajnuna, wieħed mill-aggressuri beda jagħtiha f’wiċċha. Kien hawn li b’mod strumentali, intervjenza persuna li kienet fil-viċinanzi biex l-aggressuri ħarbu minn fuq il-post wara li din marret tgħin lill-vittma.
Il-Pulizija qalet li għalkemm ma nsteraq xejn, il-vittma marret għall-kura fiċ-Ċentru tas-Saħħa għall-ġrieħi li ġarrbet f’wiċċha.
L-investigazzjonijiet dwar dawn iż-żewġ serqiet għadhom għaddejjin.