Ħamsa u ħamsin sena ilu, b’daqqa ta’ pinna mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Ġorġ Borg Olivier, pajjiżna kiseb l-indipendenza mill-inglizi. It-tixjira tad-dokument tal-indipendenza u l-ħamiem itir meħlus huma l-immaġini li mal-ewwel norbtu ma’ dan il-jum.
55 sena wara dan il-mument storiku, li kompla l-proċess biex fl-1979 Malta kisbet il-Ħelsien, pajjiżna għadu jiċċelebra din il-kisba storika b’festa nazzjonali.
Mat-tokki tat-tmienja u nofs ta’ filgħodu, bl-uniformi bajda u l-azzarin illostrat is-suldati u l-banda tal-forzi armati ta’ malta mexxew parata minn Misraħ il-Ħelsien sa Misraħ San Ġwann.
Hemmhekk il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-President ta’ Malta, George Vella ingħataw is-salut nazzjonali biex wara l-President spezzjona l-Gwardja tal-Unur.
Wara fil-kon-katidral ta’ San Ġwann, ġiet iċċelebrata l-quddiesa Pontifikali mill-arċisqof Charles Scicluna. Waqt l-omelija tiegħu l-arċisqof għażel li jitkellem dwar il-governanza tajba. Huwa stqarr kif biex inkunu ċittadini veri tal-pajjiż irridu dejjem nistaqsu lilna nfusna l-ewwel u qabel kollox x’nistgħu nagħmlu aħna għal pajjiżna aktar milli x’jista’ jagħmel il-pajjiż għalina. Huwa kkummenta wkoll dwar l-immigrazzjoni u stqarr li filwaqt li għandna nistennew li pajjiżi Ewropej oħra jerfgħu parti mill-piż, Malta għandha dejjem tħares s-sens ta’ komunità dinjija b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet umani.
Wara l-quddiesa l-mexxejja tal-pajjiż rħewlha lejn l-monument tal-indipendenza Wara t-tqehid ta’ bukketti tal-fjuri l-Armata tat salut nazzjonali b’21 tir minn 7 kanuni.
Dawn il-21 tir onoraw l-kisba li l-ġens malti għamel fil-21 ta’ Settembru ta’ 55 sena ilu, kisba li fissret il-mument li pajjiżna ħa t-tmexxija tiegħu nnifsu f’idejh.
FILMATI: COLIN DEGUARA