It-Tlieta filgħodu, ir-residenti tal-Port il-Kbir sebħu għal tama ġdida. Dan hekk kif wieħed miż-żewġ riggijiet li kien ilu hemm għal numru ta’ snin ma jintużax fit-tarzna ta’ Palumbo tneħħa u salpa ‘l barra minn Malta lejn il-Kroazja.
Crew ta’ ONE News segwa din l-operazzjoni, fejn kien mat-tokki tad-disgħa u kwart ta’ filgħodu, x’ħin ir-rigg beda jsalpa ‘l barra minn baċir numru sitta, ġewwa t-tarzna, fiż-żona ta’ Kordin.
Hawnhekk stajna ninnutaw kif kien hemm diversi tug boats sabiex ir-rigg ġie rmunkat ’il barra mill-Port il-Kbir u kompla t-triq lejn id-destinazzjoni l-ġdida
Din l-operazzjoni saret b’suċċess grazzi għall-koperazzjoni tal-uffiċjali tat-Transport Malta u t-tarzna ta’ Palumbo.
Kien hemm numru ta’ persuni li mill-gallarija tal-Barrakka ta’ Fuq bdew jaraw dak li bedu jiġri fin-naħa tal-lemin tal-port, biswit il-belt tal-Isla.
Hemmhekk ħafna minn dawn in-nies diġà bdew jgħidu kif il-Port il-Kbir, port li storikament dejjem kien importanti għal pajjiżna diġà ħa nifs u dehra isbaħ.
Din l-operazzjoni saret wara li f’Jannar li għadda, il-Gvern ħabbar li se jkun qed ineħħi dawn l-istrutturi li ilhom ħafna żmien hemmhekk fit-tarzna, li anke kienu qed jkerrħu dan il-port m. Dan ix-xogħol sabiex jitneħħew ir-riggijiet u strutturi oħra mistenni jieħu sa April li ġej.