Il-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius huwa komdu b’Jason Azzopardi li ried jitfa’ l-ħabs lis-suldati.
Fuq ix-xandir nazzjonali, għal tliet darbiet, David Agius qal il-kliem iva anki jekk wara prova jbenġielha u jgħid le: “Inti komdu b’Jason Azzopardi jrid jitfa’ l-ħabs lis-suldati.” “Iva iva iva.”
Il-Viċi Kap Nazzjonalista qed iżżomm mal-istruzzjonijiet li ngħataw lit-tmexxija ta’ Delia li spiċċat għarkubtejha ma tlissinx kelma għal kull aġir tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, bil-għan li l-inkwiet intern fil-Partit Nazzjonalista ma jkomplix iżid.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi fetaħ denunzji kontra l-Prim Ministru, il-Brigadier tal-Armata u s-suldati membri tal-ekwipaġġ tal-patrol boat P52 fejn akkużhom bi qtil volontarju ta’ immigranti iżda inkjesta Maġisterjali sabet li la l-Prim Ministru u lanqas l-armata ma qatlu persuni.
L-inkjesta qalet ċar u tond li l-allegazzjonijiet li saru fosthom minn Jason Azzopardi ma kinux imsejsa fuq provi iżda t-ton ta’ wieħed ċert ta’ David Agius juri kemm il-Partit Nazzjonalista għamel tiegħu dawn l-akkużi li l-inkjesta sabet ukoll li saru anki mingħajr verifiki.
Fil-fatt f’konferenza tal-aħbarijiet li saret ftit qabel ma lissen il-kliem iva għal tliet darbiet, David Agius wieġeb hekk meta staqsejnih dwar ir-responsabilità politika ta’ Jason Azzopardi għad-denunzji li fetaħ kontra s-suldati fost oħrajn.
Agius sostna: “M’għandi l-ebda diffikultà li dak li qal il-Kap insostnih jien ukoll u allura m’għandix inżid ma’ dak li qal il-Kap tal-partit.”
Fl-ewwel jiem mindu ħarġet l-inkjesta, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqa’ fil-muta dwar l-aġir ta’ Jason Azzopardi imbagħad kompla jiddefendih.
Meta kien mistoqsi: “Dr Delia se titlob lil Jason Azzopardi jerfa’ xi tip ta’ responsabilità wara l-inkjesta?
Delia wieġeb: Ma jidhirlix li hemm xi responsabbilità minn Jason Azzopardi.”
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi ma weġibx għall-mistoqsijiet tagħna dwar ir-responsabilità politika li għandu jerfa’ wara li l-inkjesta Maġisterjali sabet b’mod ċar li l-Prim Ministru, il-Brigadier u s-suldati ma kinux involuti fi qtil ta’ immigranti.
Jason Azzopardi lebbet l’hemm hekk kif ħareġ mill-Parlament minkejja li kien mistoqsi: “Dr. Azzopardi ħa tkun qed terfa’ r-responsabilità politika dwar l-inkjesta… ħa titlob apoloġija issa?”