Jason Azzopardi qed jisħaq li m’għandux responsabbilità x’jerfa’.
Dan wara li ONE News u l-gazzetta KullĦadd żvelaw li għal tliet snin konsekuttivi fl-aħħar ħames snin, Jason Azzopardi ma ħallasx it-taxxa, tant li ma ddikjarax x’jaqla’ għall-fini ta’ ħlas ta’ taxxa.
Barra l-Parlament, evidentament skomdu, għal bidu baqa’ sieket, meta mistoqsi dwar li ma ddikjarax id-dħul għal fini ta’ taxxa.
Apparti li għall-2016, l-2017 u l-2018 ma kienx ddikjara x’jaqla’ u b’hekk ma ħallasx it-taxxa, fl-unika formola tat-taxxa li daħħal fl-aħħar erba’ snin, qanqal dubji kbar.
Dan hekk kif minkejja li hu magħruf li hu Avukat imqabbad, fil-formola ma kien mela xejn għad-dħul mill-professjoni legali jew min-negozju tad-ditta legali nvolut fiha.
Anki dwar dan il-fatt, mistoqsi minn ONE News, Jason Azzopardi, li tant jitkellem fuq il-governanza, baqa’ sieket.
Kif imbagħad ONE News kompla jagħfsu bil-mistoqsijiet, dwar dikjarazzjoni li tqanqal dubji kbar, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għax-Xogħol, giddeb dak li kien iddikjara hu stess fil-formola tat-taxxa għall-2019.
Dan għaliex qalilna li mhux vera li ma qala’ xejn f’dik is-sena mill-professjoni legali, anki jekk lil tat-taxxa kien qalilhom mod ieħor.
Id-deputat Nazzjonalista, li ma kull ċans li jkollu tant iħambaq dwar ir-responsabbilità politika u l-korrettezza, meta mistoqsi jekk għandux responsabbilità politika x’jerfa’, huwa qal li le.
Dan qabel sabbtilna l-bieba tal-karozza u telaq ‘l hemm.