Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kompla jkun skorrett dwar l-IVF, meta tenna li koppji Maltin qed imorru jagħmlu l-proċess barra minn xtutna għaliex tiġihom irħas.
Dan għalkemm il-proċess tal-IVF jingħata kollu kemm hu b’xejn f’pajjiżna u l-koppja tħallas biss għall-mediċina.
Iżda meta affaċċjat bil-mistoqsijiet tal-ġurnalisti t-Tnejn filgħodu, huwa kompla jtenni l-iskorrettezzi tiegħu.
Waqt intervista l-ġimgħa l-oħra, Bernard Grech kien diġà tenna b’mod skorrett li l-koppji Maltin jmorru barra minn xtutna biex jagħmlu l-proċess tal-IVF għax tiġihom irħas.
Dan b’kuntrast qawwi mar-realtà hekk kif f’pajjiżna l-istat jerfa’ l-ispiża ta’ bejn għaxart elef u tlettax-il elf ewro għal kull proċess. Iżda għal Bernard Grech, il-proċess f’pajjiżna mhux jingħata b’xejn.
Qal, “Naf ukoll illi għandek kwantità kbira ta’ koppji li qed imorru barra minn pajjiżna biex qed jieħdu t-trattament u la qed jieħdu din ir-riga li jmorru barra minn pajjiżna biex jieħdu t-trattament hija ċara li sfortunatament f’pajjiżna mhux veru li dan it-trattament qed jingħata b’xejn.”
Wara dawn id-dikjarazzjonijiet żbaljati, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kien irrimarka kif il-koppji li jagħmlu l-IVF barra minn Malta huma dawk li jkunu jridu jagħmlu t-testijiet tal-PGD.
Dan wara li l-Partit Nazzjonalista kien oppona li l-liġi tal-IVF f’pajjiżna tippermetti li jsiru dawn it-testijiet f’Malta.
Qal, “Ikun hemm xi koppji li jkunu jridu jieħdu l-IVF barra għax il-liġi maltija ma tippermettix ċertu proċeduri. Fosthom il-PGD u fosthom illi l-embryo freezing nillimitawh għal numru żgħir ta’ embrijuni. Il-persuni, il-partit li kien kontra l-PGD u l-embryo freezing kien il-Partit Nazzjonalista.”
Meta mistoqsi x’se tkun il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista jekk tkun preżentata emenda biex ikun permess il-PGD u għalhekk l-ebda koppja Maltija ma tiġi bżonn tagħmel l-IVF lil hinn minn xtutna, Bernard Grech deher skomdu.
Wara li ripetutament kompla jipprova jaħrab il-mistoqsijiet ta’ ONE News, fl-aħħar spiċċa kellu jgħid li dwar il-PGD, il-Partit Nazzjonalista għad m’għandux pożizzjoni.