Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ddefenda b’kull mezz u qawwa li għandu lil Jason Azzopardi, li ġie żvelat kif kellu kamra mħallsa mill-grupp ta’ Yorgen Fenech, fil-lukanda lussuża tal-Hilton f’Tel Aviv, l-Iżrael.
F’kummenti lil ġurnalisti, Bernard Grech ħareġ għonqu għal Jason Azzopardi. Dan billi qal li dawn affarijiet li jiġru u saħansitra kkritika l-fatt li qed iqumu mistoqsijiet dwar dan l-aġir mid-deputat tiegħu.
Grech qal: “Jekk ħa nkunu naive u nippretendu li issa kulħadd iktar verġni mill-Papa, naħseb li anki nkunu naive iżejjed.”
Huwa kompla jgħid li lil Jason Azzopardi ma jistax jitilfu u hawnhekk reħielha jfaħħar lil dan l-istess deputat li ħa rigal mill-grupp li kien imexxi s-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan għalkemm b’dawn id-dikjarazzjonijiet ikkomprometta x-xogħol tal-Kummissjoni Etika u Mġiba tal-Partit Nazzjonalista li ser ikun qed jgħarbel il-każ.
Grech sostna: “Ma rrid lil ħadd illi jintrema’, ma rrid lil ħadd illi jitwarrab. Irridu nifhmu li Dr Jason Azzopardi huwa bniedem u politiku li għandu kwalitajiet kbar ħafna, huwa politiku li għamel ħafna ġid għal pajjiż.”
Intant, għalkemm b’dawn id-dikjarazzjonijiet favur Jason Azzopardi huwa kkomprometta x-xogħol tal-kummissjoni interna huwa m’aċċettax li s-sospensjoni ta’ Jason Azzopardi hija meqjusa waħda finta.
Grech tenna: “Mela, l-ewwel ħaġa li hija sospensjoni finta ma naċċettahiex u ma naqbilx miegħek.”
Fl-istess nifs li huwa ta palata lil min fil-kampanja tiegħu għal Kap kien ġmielu jagħmel il-laqgħat miegħu f’irkejjen mudlama fi ħwienet tal-kafè, huwa deher skomdu meta kien mistoqsi jekk kienx jaf qabel bil-btala ta’ Jason Azzopardi ġewwa Tel Aviv f’kamra mħallsa mill-grupp ta’ Yorgen Fenech.
Meta misoqsi: “Kont taf biha din is-safra?”
Grech wieġeb: “Kif diġà għidtlek mhux ser inkun qed nikkummenta.”
Meta reġa’ reġa’ kien mistoqsi: “Kont taf biha din is-safra. Tista’ tikkummenta dwar dan?”
Grech reġa’ qal: “Diġà għidtlek, mhux ser nikkummenta dwar dawn id-dettalji għaliex issa l-każ qiegħed jiġi investigat.”