Filwaqt li meta qbadnieh f’Tas-Silġ, il-Kap tal-Oppożizzjoni ta l-impressjoni li l-grupp parlamentari Nazzjonalista huwa magħqud fuq l-emendi preżentati biex tiqsar it-triq għad-divorzju, id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo huwa kontra.
Il-konferma ta’ dan tahielna Edwin Vassallo nnifsu meta fuq programm fuq il-midja soċjali sejjaħ bħala diżumani l-liġi tad-divorzju u l-liġi li ppermettiet koppji tal-istess sess jissiebħu fi żwieġ.
Vassallo qal, “Jien naħseb diġà vvutajt darbtejn li jiena dehruli, mhux fil-fidi tiegħi ta, li huma diżumani li se jagħmlu ħsara fil-ġid komuni. – X’kienu? – waħda tad-divorzju u oħra taż-żwieġ LGBTIQ.”
Saħansitra qal li dawn il-liġijiet tad-divorzju u taż-żwieġ indaqs, li tat l-opportunità li koppji tal-istess sess jiżżewġu, huma skwerra falza.
Vassallo stqarr: “Kien hemm ħabib tiegħi qalli llum sirna skwerra falza. Eżatt eżatt skwerra li taċċetta kollox skwerra falza. – Imma għadek kemm ktibtha – Hekk hu wkoll.”
Skont Edwin Vassallo bil-liġi tad-divorzju u taż-żwieġ indaqs morna lura; “Jiena emmint li s-soċjetà tagħna, b’dawk iż-żewġ liġijiet mhux se tmur ‘il quddiem kif konna qegħdin ngħidu jew naħsbu li se mmorru ‘l quddiem. U allura rridu noqogħdu attenti l-għaliex filwaqt li mingħalina li nkunu sejrin ‘l quddiem, nibdew sejrin lura bla ma nafu.”
Waqt il-programm, id-Deputat Nazzjonalista kompla jiftħilha kontra d-divorzju u qabbel iż-żwieġ bejn koppja ma’ kuntratt tax-xiri.
Huwa sostna: “Fejn hemm iż-żwieġ hemm kuntratt. Immaġina fil-kuntratti xi jsir fil-kummerċ nibdew inbiddlu mingħalina xtrajna u ma xtrajniex, mingħalina għandna u m’għandniex.”
Vassallo attakka lill-moviment li ġab u għadu jġib bidliet u passi ‘l quddiem fid-drittijiet ċivili: “Il-moviment Laburista kkonċepixxih, welldu u kabbru fl-ammoralità. Fejn xejn mhu xejn.”
Fil-programm ma naqsitx referenza għall-firda fil-Partit Nazzjonalista.
Vassallo tenna: “Ma tistax tkun leali lejn il-Partit u ma tkunx leali lejn il-Kap jien f’moħħi dik qatt ma stajt nifridha.”
Hawnhekk, Vassallo tkellem dwar il-mod kif tqaċċat Adrian Delia minn Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Meta kien mistoqsi: “Kien kattiv kif tqaċċat Adrian Delia, tammetti?”
Vassallo wieġeb: “Ħeqq mhux id-dinja tal-lum, mhux bil-mentalitajiet tal-lum.”
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/01/21/l-mgrm-jikkundanna-l-kummenti-horox-ta-vassallo-kontra-z-zwieg-ghall-koppji-tal-istess-sess/