Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li l-ġimgħa l-oħra kellu jammetti li ma qalx il-verità u b’hekk irtira l-allegazzjonijiet li kien għamel fil-konfront ta’ Adrian Delia issa reġa’ bdielu.
F’kummenti barra l-Parlament ma’ ONE News, Jason Azzopardi issa qal li ma gidibx meta mistoqsi jekk ammettiex li gideb fuq Adrian Delia.
Din id-dikjarazzjoni tissenjala aġir ta’ wieħed li issa reġa’ bdielu u li għadu jsostni dak li kien qal qabel.
Fl-isfond ta’ dan, l-esponent tal-establishment Nazzjonalista Manuel Delia kien kiteb li Jason Azzopardi seta’ qabel biss li jiddikjara li rtira l-allegazzjonijiet, għaliex inkitbu fil-preżent.
Fost l-allegazzjonijiet li l-ġimgħa l-oħra, Jason Azzopardi rtira hemm li Delia huwa fil-but tas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li ħa flus m’għand Yorgen Fenech biex jiġi mminat David Casa u li hemm mijiet ta’ messaġġi bejn Delia u Fenech.
Dawn l-allegazzjonijiet kienu qajmu taqbida oħra fil-Partit Nazzjonalista, b’Jason Azzopardi jsemmi l-‘blue heroes’ u jkun wieħed minn dawk li sfiduċja lil Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Minn hemm bdiet battalja ħarxa, fejn Jason Azzopardi kien fost l-ewlenin li imbotta lil Bernard Grech biex isir Kap, bi Grech issa spiċċa mirkub miż-żewġ fazzjonijiet li ħonquh u li ħallewh ma jiddeċidiex.