Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ħarab milli jwieġeb mistoqsijiet dwar rigali ġodda b’xejn li ħa mingħand l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Dan wara li ġie żvelat kif Jason Azzopardi fl-2008, lejliet l-elezzjoni ġenerali ta’ dik is-sena, akkwista ballroom b’xejn fil-lukanda Hilton mingħand Fenech sabiex ikun jista’ jagħmel coffee morning għall-kostitwenti tiegħu.
L-Erbgħa filgħodu ONE News staqsa lil Jason Azzopardi dwar dawn ir-rigali l-ġodda li ħa m’għand Fenech iżda mill-bidu li qbadnih il-Belt, Azzopardi deher mal-ewwel skomdu u ma weġibx.
Quddiem il-mistoqsijiet dwaru, Jason Azzopardi ma kellu xejn xi jgħid ħlief li jattakka lill-ġurnalist.
ONE News staqsih ukoll dwar il-pressjoni li huwa ħoloq fuq l-Imħallef Giovanni Griscti, li ddeċieda dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Yorgen Fenech.
Jason Azzopardi u Manuel Delia kienu rrimarkaw kif Griscti kien xtara dgħajsa mingħand missier Yorgen Fenech fl-2008. L-istess żmien li Azzopardi akkwista l-ballroom b’xejn fil-Hilton m’għand Yorgen Fenech.
B’pass mgħaġġel biex jaħrab, Jason Azzopardi lebbet jiġri lejn il-Qorti.
Iżda qabel staqsejnih dwar dettall ġdid li qed idur dwar il-mawra tiegħu fl-Iżrael u li fiha tħallsitlu kamra f’lukanda lussuża f’Tel Aviv mill-grupp ta’ Fenech.
Fil-fatt fil-lukanda fl-Iżrael qalilhom biex iniżżluh bħala Mr. Smith flok b’ismu propja.
Quddiem dan id-dettall ġdid żvelat Azzopardi wkoll ħarab milli jwieġeb.