L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia sab lid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ħati ta’ ksur ta’ privileġġ lampanti fil-konfront ta’ Joseph Muscat.
Jason Azzopardi kien allega li Dr. Muscat kellu informazzjoni li hemm pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia u għaldaqstant sejjaħ l-elezzjoni ġenerali qabel.
Fis-seduta parlamentari tal-Erbgħa li għadda, Joseph Muscat ressaq ksur ta’ privileġġ u qal li l-aġir ta’ Azzopardi kien gidba inġurjuża u malafamanti fil-konfront tiegħu, li minbarra li ċaħadha bil-qawwa kollha, hija bla bażi.
Dr. Muscat kien qal li huwa l-unika Prim Ministru li taħtu ssolva każ maġġuri ta’ qtil.
Hekk kif ta r-ruling, l-Ispeaker staqsa lil Jason Azzopardi jekk hux se jirtira l-kliem li qal iżda huwa qam u saħaq li mhux se jirtira l-kliem.
L-Ispeaker qal: “Fin-nuqqas allura li fil-fatt ma rtirax l-Onorevoli Jason Azzopardi jirtira l-kliem is-sedja m’hu se jkollha l-ebda għażla ħlief li jsib l-Onorevoli Jason Azzopardi ħati prima facie ta’ ksur ta’ privileġġ fil-konfront tal-Onorevoli Joseph Muscat u għaldaqstant tirreferi l-każ għand il-kumitat permanenti dwar il-privileġġi.”
L-Ispeaker tal-Parlament tkellem dwar il-lingwaġġ li uża Jason Azzopardi.
Huwa stqarr: “Good temper and moderation are the characteristics of parliamentary language. Is-sedja tara li l-lingwaġġ li uża f’din l-istanza l-Onorevoli Jason Azzopardi ċertament ma kienx ikkaratterizzat la minn good temper u lanqas minn moderation.”
Fi tmiem li ta d-deċiżjoni, l-Ispeaker għamel appell importanti: “F’dan l-istadju s-sedja wkoll tħoss u nerġa’ nagħmel l-appell kif diversi drabi għamilt sabiex kull membru ta’ din il-Kamra jkun meqjus fi kliemu u dejjem jimposta d-diskors tiegħu b’attenzjoni sabiex ma joħloqx la malintiż u agħar minn hekk jattribwixxi intenzjonijiet ħżiena fil-konfront ta’ membri parlamentari sħabu ġo din il-Kamra.”
Intant b’reazzjoni għal dan, id-deputat Laburista Joseph Muscat saħaq li l-programm elettorali tal-Gvern jinkludi riforma tal-privileġġ parlamentari u tneħħija tal-immunità.
Filwaqt li qal li diġà sar xogħol estensiv fuq din il-proposta, huwa konvint li se jkompli jitwettaq il-programm li ġie elett il-Gvern fuqu.