Jurgen Falzon ta’ 24 sena minn Santa Venera u Rica Mifsud Grech mill-Furjana, tnejn minn tliet kuntistabbli li ġew sospiżi mill-Korp, inżammu arrestati b’rabta ma’ vjolenza eċċessiva.
Huma ġew mixlija li użaw il-vjolenza fuq diversi persuni ta’ nazzjonalità barranija, aggravata bil-fatt li huma uffiċjali pubbliċi.
L-imputati ġew akkużati wkoll li serqu persuni kontra l-volonta tagħhom u wettqu atti ta’ vjolenza eċċessiva fil-konfront ta’ terzi aggravata bl-identità tal-allegat vittmi.
Fil-Qorti ntqal kif il-każijiet imorru lura għal Settembru f’żewġ iljieli differenti.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Omar Zammit u Joe Mercieca, spjegat li l-imputati, stazzjonati fl-Għassa tal-Ħamrun, allegatament kienu jmorru Ħal Qormi jieħdu lill-allegat vittmi fil-dlam u jsawtuhom.
L-Ispettur Joe Mercieca qal li kienu Kuntistabbli oħra li marru quddiem il-Kummissarju tal-Istandards fi ħdan il-Korp fejn fetħu ilment nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Ottubru.
Għaldaqstant, skattat investigazzjoni li wasslet biex il-kuntistabbli ġew sospiżi mill-Korp is-Sibt 8 ta’ Ottubru.
Id-difiża għamlet talba sabiex jinħareġ divjett fuq l-ismijiet tal-imputati iżda din ma ġietx onorata mill-Qorti.
Id-difiża talbet ukoll għall-ħelsien mill-arrest taż-żewġ imputati. Din it-talba kienet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni minħabba biża’ ta’ intralċ tal-provi.
Il-Qorti ma laqgħetx din it-talba fid-dawl tal-akkużi serji li l-imputati qegħdin jaffaċċjaw.
Il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud stqarr kif il-pubbliku qiegħed jistenna li jħossu sigur mill-forzi tal-ordni u l-awtoritajiet.
Dan filwaqt li l-membri tal-forzi tal-ordni għandhom jirritornaw qawwijin u sħaħ id-dar filwaqt li għandhom isibu l-appoġġ ta’ kulħadd.
Huwa nnota wkoll li s’issa l-imputati għadhom meqjusa innoċenti sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor.
Iżda qal li l-Qorti ma tistax tagħlaq għajnejja għal dawn l-akkużi serji u li jistgħu iwasslu għal sitwazzjoni li tinħoloq tensjoni soċjali u li tħarbat il-ħidma sfieqa ta’ mijiet ta’ Pulizija li jagħmlu ta’ kuljum.
L-Avukati Veronique Dalli u Edmond Cuschieri dehru f’isem Rica Mifsud Grech u Jurgen Falzon rispettivament.
Ara wkoll: