Il-Pulizija ta’ Ohio qed ifittxu raġel li xandar filmat fuq Facebook Live tal-mument meta qatel anzjan innoċenti fi Cleveland u allega li qatel madwar 13-il persuna oħra.
Steve Stephens, ta’ 37 sena, jinsab maħrub f’Ohio wara li ffilmja qtil u xandar dan il-filmat fuq il-midja soċjali l-Ħadd li għadda għall-ħabta tas-14:00 ta’ wara nofsinhar.
Wara li ħareġ il-filmat fil-pubbliku, il-Pulizija dlonk ħarġet avviż għall-arrest tiegħu. Residenti fl-istati ta’ Pennsulvania, New York, Indiana u Michigan qed jiġu avżati biex iżommu għajnejhom miftuħa.
Il-filmat li xandar fuq Facebook juri lill-aggressur isuq ħdejn raġel anzjan, joħroġ mill-karozza u jispara dirett fuqu.
Il-vittma ġie identifikat mill-Pulizija ta’ Cleveland bħala Robert Godwin ta’ 74 sena, u t-tifel tiegħu kkonferma li missieru ħareġ għall-mixja ta’ wara nfosinhar.
Stephens, li jaħdem bħala maniġer fis-settur tal-kura tas-saħħa mentali qal li żballja meta poġġih fuq il-midja soċjali, u qal li dan kollu seħħ minħabba mara, li x’aktarx hi l-eks maħbuba tiegħu.
Hu kiteb fuq Facebook li l-mara jisimha Joy Lane, u li jikkunsidra li jieqaf jekk iċċempillu hi jew ommu.