Minkejja x-xita, dalgħodu bdew iċ-ċelebrazzjonijiet li se jfakkru l-jum tal-Indipendenza f’pajjiżna.
Fid-09:30, il-Gwardja tal-Unur flimkien mal-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta telqu minn Misraħ il-Ħelsien għal Triq ir-Reppublika.Hemmhekk waslu l-ogħla uffiċjali tal-pajjiż fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-President Marie Louise Coleiro Preca li ngħatat is-salut nazzjonali u għamlet l-ispezzjoni tal-gwardja.
Fil-ħin li ġej mistennija tibda wkoll il-Quddiesa Ponitifikali bil-Kant ta’ Te Deum fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann ċċelebrata mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna.
Wara, iċ-ċelebrazzjonijiet ser jissoktaw fil-Furjana fejn il-gwardja tal-Unur flimkien mal-banda tal-Forzi Armati ser jimxu minn Triq l-Assedju l-Kbir sal-Monument tal-Indipendenza.
Hemmhekk il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni, u President ta’ Malta, mistennija jpoġġu bukketti tal-fjuri quddiem il-Monument tal-Indipendenza bħala turija ta’ rispett.
Quddiem il-Monument tal-Indipendenza imbgħad ser jingħata l-gun salute mill-istess Forzi Armati b’ tislima lil Malta Indipendenti.
Iċ-ċelebrazzjonijiet ser jintemmu bil-Kunċert tal-Indipendenza li se jkun qed jittella’ fit-20:00 b’kunċert mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta fil-bitħa tal-Palazz Presidenzjali fil-Belt Valletta.