Erba’ persuni, l-aħwa Adrian u Robert Agius tal-Maksar u Jamie Vella u George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż ttieħdu l-ħabs wara li tressqu l-Qorti mixlija b’żewġ omiċidji, dak ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop. F’awla 22 fil-Qorti ta’ Malta tressqu l-erba’ persuni tard l-Erbgħa filgħaxija taħt sigurtà stretta. Huma ċaħdu l-akkużi, b’Degiorgio għażel li ma jwieġeb għall-ebda domanda. Il-persuni mressqa baqgħu jinżammu arrestati.
Quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, Adrian Agius ġie mixli li huwa l-mandant fil-qtil ta’ Carmel Chircop. Dan filwaqt li Jamie Vella u George Degiorgio ċ-Ċiniż ġew mixlija li huma l-eżekuturi fil-qtil tal-Avukat Chircop.
Robert Agius u Jamie Vella ġew mixlija wkoll li fornew il-bomba li ntużat fil-qtil ta’ Caruana Galizia. L-aħwa Agius ġew mixlija b’atti kriminali oħra fosthom pussess tad-droga. Degiorgio u Vella ġew mixlija b’pussess ta’ armi tan-nar mingħajr il-liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Jamie Vella kien il-persuna nfettat bil-Covid-19 u tressaq il-Qorti f’awla mdaqqsa u bil-prekawzjonijiet kollha meħtieġa skont il-parir tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Fil-fatt inġab permess speċjali biex Vella tressaq il-Qorti biex jaffaċċja l-akkużi. George Degiorgio nġab mill-ħabs u dan diġà huwa meqjus bħala wieħed mill-allegat eżekuturi fil-qtil ta’ Caruana Galizia hekk kif qed jaffaċċja l-akkużi fil-Qorti dwar il-qtil li seħħ fl-2017.
L-omiċidju ta’ Chircop seħħ f’Ottubru ta’ sitt snin ilu u dan kien instab maqtul f’kumpless tal-garaxxijiet f’Birkirkara kmieni filgħodu tat-8 ta’ Ottubru tal-2015. Dakinhar id-delitt seħħ hekk kif il-vittma kien ħiereġ għax-xogħol. L-Avukat Chircop kien inqatel b’erba’ tiri sparati b’arma tan-nar.
L-Avukati Alfred Abela u Rene’ Darmanin dehru għall-aħwa Robert u Adrian Agius u Jamie Vella filwaqt li Dr William Cuschieri deher għal George Degiorgio. Dr George Camilleri rrappreżenta l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-Prosekuzzjoni kienet mmexxija mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispetturi Shaun Pawney u Wayne Camilleri.