Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo sostna li ma jinteressahx x’jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.
Mistoqsi hu u dieħel il-Parlament dwar l-aħħar ġlied fil-Partit Nazzjonalista bejn il-Kap u l-eks Kap Adrian Delia, meta tal-ewwel qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab aħjar taħtu għaliex ħadd ma mar għand il-President biex jibdlu, Ivan Bartolo saħaq ma’ ONE News li ma jinteressahx x’jgħid Bernard Grech.
Kollox beda mid-dikjarazzjoni ta’ Bernard Grech mal-Lovin Malta.
Dlonk irreaġixxa Adrian Delia u fuq Facebook huwa kiteb hekk; “Jekk il-Partit hux aħjar jew agħar jarawh in-nies. Imma li tifraħ għax lilek ma ttradewkx ma naħsibx li hu ġust.”
Delia kompla jgħid kif l-attitudni ta’ Bernard Grech hi diżrispett lejn il-Kunsillieri tal Partit filwaqt li fakkar li huwa baqa’ leali.
Huwa qal ukoll li qatt ma jistax jaċċetta li dan għandu jkun episodju li jitkejjel il-Partit miegħu.
Mistoqsi fuq dak li wieġeb Delia għall-provokazzjoni ta’ Bernard Grech, Ivan Bartolo kompla jixhed l-apatija li teżisti fil-Partit Nazzjonalista.
Xahrejn ilu, f’attività li organizza l-eks Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo, Ivan Bartolo kompla jixhed il-qasma profonda fil-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech u kif kisirha minn miegħu.
F’mossa li se jibqa’ xewka, saħaq li hu se jibqa’ hemm u f’botta oħra lejn Bernard Grech u l-klikka tiegħu, huwa lmenta dwar kif jittattawh.