Il-Kelliem għall-Ekonomija tal-Partit Nazzjonalista, Ivan J. Bartolo, ikkritika l-pjan tal-Gvern li jħarrax l-azzjonijiet kontra min qed jabbuża bil-kirjiet.
Il-Gvern kien ċar li mhux aċċettabbli li f’appartamenti li suppost jgħixu sitta minn nies, jiddaħħlu għexieren ta’ persuni. Ħafna drabi dawn huma persuni ta’ nazzjonalità barranija.
“Time up ukoll qal lil dawk li qed jikru flat lil 30 ruħ.”
Bartolo xejn m’għoġbitu din u jrid li, fejn ikunu inforzati r-regoli, il-Gvern saħansitra jagħmel tajjeb għat-telf li jista’ jkollu min abbuża.
Skont hu, jekk il-Gvern jinforza, aktar irid jara x’se jagħmel biex id-dħul ta’ min abbuża ma jkunx affettwat.
“U qed jgħidilhom issa time up. X’se jagħmlu n-nies. Jien nippretendi li Robert Abela jgħid iva time up, imma min għandu tletin ruħ, u se jkollu jniżżilhom għal sitta minn fejn se jġibha d-differenza? Kif se jidħol il-Gvern? X’se jagħmel il-Gvern?”
Nhar il-Ħadd Bartolo attakka l-inizjattivi tal-Gvern, fosthom dawk maħsuba biex jgħinu lin-nies.
Fost dawk fil-mira tiegħu kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija.
“L-Onor Silvio Schembri qed iħabbat bieb bieb, qed jitkellem man-negozjanti li jimportaw l-ikel, għax qed jieħu inizjattiva biex jara kif se jraħħas il-ħajja. Ma tistax toħroġ hemm barra u lin-negozjant tgħidlu ara x’se tagħmel ħa traħħas il-prezzijiet. Mela waqt li kollox qed jogħla, qed ngħidulu raħħas il-prezzijiet.”