It-Tnejn li ġej se jibda x-xogħol ta ‘ twaqqigħ ta’ fabbriki fil-Marsa biex b’hekk jinbeda x-xogħol fuq il-bini tal-junction tal-Marsa.
Dan filwaqt li t-toroq tal-Kappara se jinfetħu sal-aħħar tas-sena kif ppjanat.
Ħabbar dan il-Ministru Ian Borg f’konferenza tal-aħbarijiet fejn spjega kif in-nefqa fl-infrastruttura se titla’ minn €13-il miljun din is-sena għal kważi €60-il miljun is-sena d-dieħla.
Dwar il-proġett tal-Marsa, saħaq li qed jittieħdu l-miżuri kollha biex l-impatt fuq it-traffiku jkun minimu, filwaqt li appella lin-nies biex jikkollaboraw, jippjanaw ir-rotta tagħhom minn qabel, u jsegwu d-direttivi li jinħarġu.
Bit-tema “Inlestu Malta Għall-Futur” Borg innota kif il-Gvern qed ipoġġi flus il-poplu fejn verament hemm bżonn.
Il-Ministru qal li mis-sena skolastika li ġejja se jingħata s-servizz ta’ trasport b’xejn b’superviżjoni għall-iskejjel.
Is-sena d-diehla se naraw ukoll trasport pubbliku b’xejn għaż-żgħażagħ ta’ bejn is-sittax u l-għoxrin sena, u t-twaqqif ta’ Aġenzija għat-titjib tat-toroq.
Fakkar ukoll fil-proġett ta’ Triq Buqana, Triq Bormla, il-Marsa-Ħamrun bypass, u l-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija. Dan flimkien max-xogħol fuq il-mini ta’ Santa Venera, ta’ Ħal Kirkop, u Regional Road.
Huwa ħeġġeġ ix-xiri ta’ karozzi elettriċi, fosthom b’iktar charging points, u b’benefiċċju sa mitejn elf ewro għall-kumpaniji; kif ukoll inċentivi ta’ rifużjoni tal-Vat fuq xiri tar-roti, u b’bicycle lanes apposta bejn San Ġiljan u l-Belt, u l-Mosta u l-Università.
Dwar il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex, Dr Borg qal li hekk kif jitlestew l-istudji, ikompli x-xogħol biex jitfassal mudell u disinn ta’ kwalità.
Dwar il-qasam tal-ippjanar qal li nkisbu suċċessi notevoli, fejn bl-iskema ta’ regolarizzazzjoni ġiet iffinanzjata l-iskema rrestawra darek. Skema li se terġa’ tiġġedded is-sena li ġejja.
Huwa żied jgħid li l-Awtorità tal-Artijiet rat it-tneħħija tal-poteri minn idejn il-Ministru responsabbli għal f’idejn bord, filwaqt li l-istimi se jibdew isiru minn numru ta’ periti barra mill-awtorità.