L-inkwatru titulari tas-Santwarju ta’ Ħaż-Żabbar jgawdi devozjoni kbira mhux biss mill-poplu Żabbari iżda anki min-nies barra l-belt ta’ Hompesch.
Il-pittura, xogħol l-artist Alessio Errardi, tmur lura 303 snin u dan l-aħħar ġiet irrestawrata.
Ix-xogħol ta’ restawr fuqha sar minn Pierre Bugeja, li ilu sa minn Ottubru jaħdem fuqha.
Kif jispjega tajjeb l-Arċipriet ta’ Ħaż-Żabbar, Dun Evan Caruana, din l-arti barokka kien jixirqilha li jsirilha restawr sabiex tibqa’ jitgawda.
Meta tliet snin ilu niżżilnih biex ħriġnih pellegrinaġġ, ħareġ it-tieni darba li kien ħareġ mat-toroq ta’ Ħaż-Żabbar, il-ħsieb tagħna imbagħad kien li jsir ir-restawr tiegħu, għax huwa kwadru antik, ġieli sar xi restawr, interventi fl-imgħoddi imma llum ovvjament nafu bil-mezzi li għandna ta’ restawr, jista’ jsir restawr aktar b’saħħtu.
Dan l-inkwatru huwa meqjus importanti għaliex permezz tal-kurunazzjoni tiegħu, kien ta t-titlu ta’ santwarju lil paroċċa Żabbarija.
Dan l-inkwatru li se jitpoġġa dalwaqt f’postu, bħalissa qiegħed ikun ammirat iżjed mill-viċin minn dawk li jżuru l-Knisja.
Fil-fatt l-Arċipriet jisħaq fuq dettall interessanti li mill-bogħod mhux la kemm tinduna bih u grazzi għar-restawr li sar issa ħareġ aktar is-sinjifikat tar-rit reliġjuż wara il-Madonna tal-Grazzja.
Fl-imgħoddi fuq sider il-Madonna kien hemm impittra bħal biċċa drapp bajda u li tlabna u sar aktar tard, tlabna l-Kurja, għamilna r-rikors għar-restawr tiegħu jekk din tistax titneħħa. Filfatt neħħejniha, biex issa l-kwadru tal-Madonna ġiet tidher kif kienet oriġinarjament, tlett mitt sena ilu. Jiġifieri fejn tidher anki, kif forsi taf inti wkoll, dehru wkoll il-qtar tal-ħalib mis-sider tagħha li jfissru wkoll il-grazzji li hija xxerred.