It-Tnejn filgħodu t-tfal li jattendu l-iskejjel primarji, tal-kindergarten u taċ-childcare centres bakkru għal ritorn għall-aħħar term tas-sena skolastika.
Xahar wara li l-iskejjel għalqu l-bibien, dawn reġgħu fetħu, l-btieħi tal-iskejjel, reġgħu bdew jaraw l-attività bil-logħob tat-tfal, il-klassijiet imtlew bil-ħajja u ma naqasx ukoll l-għajjat u l-ilħna hienja tat-tfal.
Dan wara li nhar l-Erbgħa li għada l-Prim Ministru ħabbar li se jerġgħu jiftħu l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi, childcare centres u l-iskejjel tal-kindergartens b’mod gradwali fuq parir tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Il-Gvern kien aċċenna li għalkemm it-tagħlim virtwali kien importanti, xejn ma jissostitwixxi t-tagħlim fil-klassi.
ONE News segwa dħul tal-istudenti fl-iskola primarja tal-Fgura u tkellimna ma’ wħud miċ-ċkejknin dwar l-esperjenza tagħhom lura l-iskola wara nuqqas ta’ aktar minn xahar.
Huma spjegaw li huma ħerqana sabiex minnufih jerġgħu jiltaqgħu ma’ sħabhom.
Uħud mit-tfal qalulna li ħassewha inqas diffiċli biex jidħlu lura fuq il-bank tal-iskola hekk kif il-waqfa mill-ambjent ġo klassi kienet ferm iżgħar minn ta’ qabilha.
It-tfal ma qagħdux lura milli jesprimu l-eċitament li ħassew meta raw lil sħabhom wara żmien twil ikellmuhom fuq l-aġġeġi li ħallew warajhom id-dar fuq is-sufan.
Spikka l-mod li bih iddaħħlu l-istudenti l-iskola bil-prekawzjonijiet kollha.
Dan hekk kif it-tfal żammew id-distanza soċjali hekk kif kien hemm dħul bil-galbu u ġew iċċekjati t-temperaturi tagħhom wieħed wieħed qabel iddaħħlu l-iskola.
It-tfal ma rritornawx l-iskola f’daqqa iżda qed jidħlu lura fil-klassijiet fuq medda ta’ ftit ġranet, skont is-sena tagħhom.
Minn nhar l-Erbgħa li ġej se jidħlu lura l-iskola l-istudenti tal-ewwel u tieni sena fil-livell sekondarju filwaqt li minn nhar il-Ġimgħa jidħlu l-istudenti tal-Form 3 sal-Form 5.
Dan wara li għal diversi jiem issa r-rata ta’ infezzjonijiet tal-Covid-19 naqset u anki kompla jiżdied it-tilqim bil-vaċċin.
Il-maġġoranza assoluta tal-edukaturi u l-ħaddiema fl-iskejjel huma mlaqqma b’min tal-inqas doża waħda tal-vaċċin.