It-taħdidiet bejn il-Gvern, il-Unjin tal-għalliema l-MUT u rappreżentanti tal-iskejjel indipendenti u tal-Knisja se jkomplu għada wara laqgħa oħra llum f’Kastilja.
Il-laqgħa bejn il-Gvern u rappreżentanti tal-edukaturi bdiet għall-ħabta tal-ħamsa u nofs tal-lejla.
Fil-laqgħa kien hemm fost oħrajn il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Għalkemm jidher li hemm ċans ta’ żblokk tas-sitwazzjoni wara l-ordni ta’ strajk tal-MUT, il-partijiet ħassew li jerġgħu jitkellmu fis-sigħat li ġejjin.
F’kummenti li ta, il-President tal-MUT qal li l-istrajk għada se jkompli wara laqgħa inkonklussiva.
Saħaq li jrid aktar spjegazzjonijiet mingħand is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Mistoqsi dwar il-legalità tal-istrajk, fl-aħħar minuti qabel il-ġenituri riedu jibagħtu lill-uliedhom l-iskola, il-President tal-MUT qal li l-istrajk jitħabbar b’tilwima industrijali u saħaq li l-proċedura kienet normali.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li kien hemm laqgħat kordjali ħafna u żblokki pożittivi.
Qalet li tifhem it-tħassib tal-ġenituri li jaħdmu biex jibagħtu lill-uliedhom l-iskola.