Iż-Żurrieq u Marsaxlokk huma żewġ lokalitajiet fost is-sittax li se jkunu qed jibbenefikaw minn investiment ta’ għaxar miljun ewro fi spazji ħodor.
Dan l-investiment, li qed isir bħala parti mill-iskema ta’ Project Green bl-isem ‘Community Greening Grant’, se jkun qed iwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti.
ONE News tkellem mas-Sindki taż-Żurrieq u ta’ Marsaxlokk, li esprimew is-sodisfazzjoni tagħhom dwar dan l-investiment.
Is-Sindku taż-Żurrieq, Rita Grima, spjegat kif ir-residenti jixtiequ li jkollhom aktar żoni ħodor u li, permezz ta’ dan il-proġett, din ix-xewqa se tkun qed issir realtà.
“Se nirranġaw is-siġar, nagħmlu l-arbuxelli, u nnaqqsu l-konkos li jkun hawn, inżidu iżjed ħamrija, u beħsiebna nagħmlu reservoir tal-ilma taħt biex is-siġar u l-arbuxelli li jkun hawn hawnhekk jissaqqew b’dan l-ilma stess. In-nies iridu iżjed ħdura, inqas siment, u jkollhom post pjaċevoli fejn jgħixu.”
Is-Sindku ta’ Marsaxlokk, Steven Grech, qal li se jkun qed isir ġnien b’passaġġ li jibqa’ sejjer sa’ Port Ruman; proġett li kien ilu fi ħsieb il-Kunsill Lokali għal xi żmien.
“Peress li l-Gvern qal li jrid jara iktar siġar u ħdura, allura – konna ilna bil-ħsieb li nagħmluha din – fl-erja ta’ hawnhekk ikollhom fejn jirrikreaw ruħhom u jkollhom passaġġ li nistgħu, imbagħad, ’il quddiem, intawluh biex induru mal-ġnien l-ieħor li hemm Port Ruman.”
Se jkun qed isir ukoll ġibjun kbir biex fih jintlaqa’ l-ilma tax-xita, li se jkun qed jintuża bħala ilma tat-tisqija tal-ġnien il-ġdid li se jsir.