“Ngħaddi messaġġ ta’ tama lill-Maltin u lill-Għawdxin kollha. Nispera li jsegwu l-eżempju tagħna u jieħdu dan il-vaċċin għax ovvjament il-ħajja f’dawn l-aħħar xhur inbiddlet ħafna. Kulħadd beda jesperjenza t-tbatija b’modijiet differenti u nixtieq li llum jekk xejn, jekk l-esperjenza ma kienet xejn nuru l-poplu Malti u Għawdxi li dan il-vaċċin huwa t-tama tagħna biex jgħinha f’dawn iż-żminijiet tant diffiċli.”
Dawn kienu l-ewwel kelmtejn tal-ewwel persuna li tlaqqmet kontra l-COVID-19 f’pajjiżna.
Rachel Grech, infermiera fit-Taqsima tal-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei, qalet li tinsab onorata li kienet l-ewwel persuna li ħadet il-vaċċin kontra l-Coronavirus.
L-infermiera tkellmet dwar is-sitwazzjoni fl-isptar fl-aħħar xhur, fejn il-professjonisti kellhom jadattaw għal sitwazzjoni straordinarja.
Hija qalet, “F’dawn l-aħħar xhur kienu żminijiet ibsin għalina lkoll. Ovvjament ix-xogħol żdied, f’qasir żmien kellna ovvjament kellna nitgħallmu sistema ġdida, anke tal-apparat protettiv illi nilbsu.”
Qalet kif il-pandemija ġiegħlitna napprezzaw affarijiet li qabel forsi konna nsejna, u appellat biex kull min jista’, jieħu l-vaċċin.
Grech sostniet: “Fl-aħħar tal-ġurnata nittamaw għax meta togħqod tqies il-Coronavirus kemm għandha effetti ħżiena fuq is-saħħa tal-bniedem u kemm batew nies u mietu nies, ovvjament meta tqies u tibbilanċja, il-vaċċin huwa l-unika tama fl-aħħar mill-aħħar biex nerġgħu ngħixu l-ħajja tagħna kif konna ngħixuha qabel.”